L-Enemalta plc ħabbret il-ħatra tal-Inġinier Ryan Fava bħala Chairperson tal-Bord tad-Diretturi.
L-Inġ. Fava ggradwa fl-inġinerija mill-Università ta’ Malta u kompla fl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Brunel, f’Londra, qabel ma serva bħala inġinier f’diversi kumpaniji privati.
Huwa qed iservi għar-raba’ mandat konsekuttiv bħala President tal-Malta Dockers Union wara li ġie elett mill-ħaddiema għall-ewwel darba fl-2014.
L-Inġ. Fava stqarr li huwa konvint mil-kompetenza tal-ħaddiema u l-maniġment li hemm fl-Enemalta, u li bħala inġinier u bħala trejdjunjonista huwa ħerqan biex jappoġġja lit-tim filwaqt li jkompli jtejjeb il-kwalità tas-servizz għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin.
Fi stqarrija l-Enemalta qalet li, filwaqt li tixtieq kull suċċess lil Ryan Fava f’din il-kariga, trodd ħajr lill-Inġinier Jonathan Scerri li serva bħala Chairperson qabel il-ħatra tal-Inġ. Fava.