Il-Bord tal-Bank Malti għall-Iżvilupp laqa’ d-deċiżjoni tal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol li jaħtar lis-Sur Leo Brincat bħala ċ-Chairman ġdid tal-Bank.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Bank Malti għall-Iżvilupp stess hekk kif il-Bord ta merħba lis-Sur Brincat, hekk kif sostna li se jġib miegħu fil-Bank esperjenza vasta.
Fil-fatt, ġie spjegat kif is-Sur Brincat beda l-karriera tiegħu fis-settur bankarju, u li serva dan l-aħħar bħala l-membru ta’ pajjiżna fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, rwol li fih kien fdat b’bosta responsabbiltajiet ta’ profil għoli.
Is-Sur Brincat serva wkoll bħala Ministru, fejn kellu żewġ portafolli, l-ewwel dak tal-Finanzi u l-Kummerċ, u wara għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima. Huwa serva wkoll bħala Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi u Chairperson tal-Kumitat tal-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), u kien ukoll Membru tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Kamra tar-Rappreżentanti, fost oħrajn.
ll-bord esprima l-gratitudni tiegħu lejn iċ-Chairman uxxenti, il-Prof Josef Bonnici, li kien strumentali fit-twaqqif tal-Bank u t-tkabbir li kiseb fl-ewwel sitt snin tal-eżistenza tiegħu.
Il-Bord innota wkoll il-ħatra ta’ żewġ Diretturi ġodda, is-Sur Victor Carachi u s-Sur Norbert Grixti, filwaqt li rringrazzja lis-Sur William Spiteri Bailey u l-Prof Philip Von Brockdorff għall-kontribut tagħhom tul l-aħħar snin.