L-iskema tal-Gvern biex professjonisti minn pajjiżi terzi japplikaw biex jaħdmu virtwalment minn Malta, jingħataw permess ta’ residenza temporanju, ma setgħetx ġiet fi żmien aħjar.
Stqarr dan Andrei Imbroll, Chairman ta’ aġenzija ewlenija tal-kiri tal-proprjetà fil-Gżejjer Maltin, li tkellem ma’ dan l-istazzjon dwar l-hekk imsejħa Nomad Residence Permit, li se toffri permess sa sena lil dawn il-professjonisti.
Qal, “Digital Nomads huma nies li prinċiparjament huma freelancers, imma naħseb li din se tespandi anke għal professjonisti ta’ ċertu setturi.”
Imbroll spjega wkoll li l-iskema se tirregolarizza stil ta’ ħajja ġdid li ħafna żgħażagħ barranin qed jagħżlu li jgħixu.
Spjega, “Naħseb li l-iskema ma setgħetx ġiet fi żmien aħjar. Naħseb li Malta diġà rat minn dan it-tip ta’ ħaddiem jew vjaġġatur, u kienet importanti li din l-pjattaforma tiġi regolarizzata biex Digital Nomad ikun jaf li Malta se tilqgħu.”
Din l-iskema se tara li tonqos il-burokrazija u applikazzjonijiet bil-karti, u fuq kollox turi li pajjiż qed jadatta għal mezzi ġodda li jafu jkunu ta’ sostenn għan-negozji lokali.
Qal, “Meta kont ngħix barra, il-problem tal-burokrazija bil-karti kienet dejjem. Nimmaġina li min iqatta’ ħajtu b’dan il-mod mhux se jmur f’pajjiżi fejn m’hemmx skema bħal din. Bħala persuna fin-negozju nieħu gost meta Gvern aġixxa fuq trend u jimxi warajhom. Dik hija attraenti għalina.”
Din l-iskema hija parti minn servizz ġdid li se tibda toffri l-Aġenzija Identity Malta, li se tniedi fiż-żmien li ġej.