CF Homes, waħda mill-kumpaniji ewlenin tal-proprjetà f’pajjiżna, wettqet xogħol ta’ rinovar u manutenzjoni fi ħdan id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Dan ix-xogħol sar bħala turija tal-impenn tal-kumpanija għall-ġid tal-komunità.
Ix-xogħol fuq numru ta’ kmamar fid-Dar tal-Providenza beda fil-bidu ta’ dan is-sajf u kien jinkludi li ċertu kmamar reġgħu nġibu fi stat ta’ ġebel u saqaf, u fl-istess waqt sar xogħol kontra l-elementi tan-natura, kontra x-xita u ġew rinnovati għal livell għoli.
Id-Direttur ta’ CF Homes Clifton Cassar esprima s-sodisfazzjon tal-kumpanija u qal li huma kburin b’dan il-proġett li sar fis-soċjetà.
Cassar semma li Malta għandha dejn kbir lejn Fr. Martin Micallef u t-tim tiegħu fid-Dar tal-Providenza, għall-ħidma imprezzabbli li jagħmlu kuljum, minn wara l-kwinti.
Huwa ħeġġeġ ukoll kumpaniji oħra biex jimxu fuq il-passi tal-kumpanija tiegħu u jagħmlu bħalhom billi jappoġġjaw kawżi simili.
Ir-rinnovar kien ikkordinat u ffinanzjat minn CF Homes, bl-għajnuna tal-ħaddiema, bl-appoġġ ukoll tal-kumpaniji Prodoor, TC Limited u oħrajn.
Id-direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr. Martin Micallef, esprima l-gratitudni tiegħu lejn CF Homes għall-ħidma u l-kontribuzzjoni ġeneruża tagħhom.