L-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali S&P Global Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ A- bi prospetti stabbli għal pajjiżna. Dan jibqa’ l-aqwa livell ta’ rating li din l-aġenzija tat lil pajjiżna fl-aħħar għaxar snin.
Din l-analiżi, li ssir kull sitt xhur fuq Malta, seħħet proprju ġimgħa wara li Franza ġiet downgraded. Hawn l-aġenzjia tħares lejn l-andament ekonomiku fl-aħħar xhur kif ukoll lejn kif żviluppi riċenti jistgħu jaffettwaw il-prospetti tal-pajjiż. Dan l-eżerċizzju komprensiv li jissejjaħ is-‘semi annual review’, l-esperti jistgħu jirrakkomandaw lill-bord tal-aġenzija biex ibiddel ir-rating.
Fil-każ ta’ Malta dan ma seħħx u għalhekk ir-rating pożittiv ta’ pajjiżna reġa’ ġie kkonfermat. Fl-aħħar rapport, li kienu ppubblikaw fuq pajjiżna, l-ekonomisti barranin kienu bassru li t-tkabbir ekonomiku ta’ Malta kien se jibqa’ aktar mill-medja Ewropea, l-aktar minħabba l-andament turistiku kif ukoll l-użu ta’ fondi Ewropej.
Fir-rapport tagħhom, huma kienu enfasizzaw ir-reżiljenza tal-ekonomija tagħna, b’kuntrast għan-nuqqas ta’ fiduċja li kienu wrew għal ekonomiji kbar, bħall-Istati Uniti, iċ-Ċina u Franza, li kollha ngħataw prospetti li jiġu downgraded. Fil-fatt Franza spiċċat ġiet downgraded meta saret l-analiżi tal-andament tagħha.
Fost l-aktar fatturi li qed iwasslu għal stabbiltà għal pajjiżna, l-S&P Global Ratings kienu indikaw il-fatt li l-Gvern Malti qed iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u dan għen biex il-konsum privat baqa’ pożitiv.
Ċifri tal-Eurostat din il-ġimgħa stess indikaw li, waqt li l-bejgħ mill-ħwienet madwar l-Ewropa qed jonqos, dak f’Malta baqa’ jikber. L-esperti barranin kienu wkoll innotaw li l-familji f’pajjiżna għandhom madwar darbtejn u nofs it-tifdil tal-familja medja madwar iż-Żona Ewro. Ċifri riċenti tal-Bank Ċentrali jindikaw li mindu ġie ppubblikat dan ir-rapport, din it-tendenza kompliet tissaħħaħ.