L-aġenzija indipendenti tal-klassifikazzjoni tal-kreditu DBRS Morningstar ikkonfermat l-ogħla klassifikazzjoni li kienet tat lill-ekonomija Maltija: dik ta’ A (għolja) b’tendenza stabbli.
Ikkummentat ukoll li r-rebħa tal-Partit Laburista fl-elezzjonijiet ġenerali ta’ Marzu li għadda ssaħħaħ l-aspettattivi tagħha li se jkun hemm kontinwità fis-sens wiesa’ tal-istrateġiji li bihom jitmexxa l-pajjiż kif ukoll it-tkomplija tal-impenn politiku biex ikompli jissaħħaħ il-qafas instituzzjonali u tal-governanza tal-pajjiż.
F’dan it-tip ta’ rapport, l-aġenziji internazzjonali tal-klassifikazzjoni joħorġu opinjoni analitika tal-kapaċità tal-pajjiżi differenti li jissodisfaw l-obbligi finanzjarji tagħhom, u jippubblikawha għall-informazzjoni tas-swieq globali.
Id-BRS Morningstar osservat li Malta qed tirkupra bil-qawwi mill-iskoss tal-pandemija u li r-ritmu tat-tkabbir ekonomiku kompla għaddej matul din is-sena.
Ir-rapport li ppubblikat l-aġenzija internazzjonali jgħid li l-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq l-ekonomija Maltija s’issa baqa’ limitat b’riżultat ta’ diversi fatturi, fosthom il-miżuri li ħa l-gvern Malti biex jiżgura l-istabbiltà fil-qasam tal-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll irkupru akbar minn dak li kien mistenni fil-qasam tat-turiżmu.
L-aġenzija qalet li, minkejja li ċ-ċirkustanzi attwali se jwasslu biex ir-ritmu tat-tkabbir ekonomiku jbatti fl-2023, Malta xorta waħda mistennija jkollha tkabbir ekonomiku aqwa mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej l-oħrajn.
Id-DBRS Morningstar irrimarkat li l-pakkett imdaqqas li Malta allokat għall-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija – sabiex ma jkunux il-familji li jġorru ż-żidiet ikkawżati mill-kriżi internazzjonali tal-enerġija – se jnaqqas ir-ritmu tat-tnaqqis tad-defiċit. Madankollu, hija tqis li l-livelli moderati tad-dejn tal-pajjiż u d-dinamiċi pożittivi tat-tkabbir ekonomiku jtaffu r-riskji.
L-aġenzija internazzjonali qalet li d-deċiżjoni tal-FATF li tneħħi lil Malta mill-hekk imsejħa “il-lista l-griża” f’Ġunju li għadda jirrifletti l-progress sinifikanti li għamel il-pajjiż f’oqsma fejn kellu jieħu azzjoni.
F’kumment fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela nnota b’sodisfazzjon din l-aħħar klassifikazzjoni tad-DBRS Morningstar u afferma mill-ġdid id-determinazzjoni tal-Gvern immexxi minnu li jibqa’ jmexxi lil Malta ’l quddiem.