Fi tmiem iż-żjara annwali tagħhom f’Malta, esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, taw ċertifikat ieħor pożittiv lill-ekonomija lokali fejn ukoll urew l-istagħġib tagħhom kif din irnexxielha tagħmel qabża sinifikanti fl-aħħar għaxar snin u anke hi l-aktar waħda li turi prosperità fl-Ewropa kollha.
Fil-fatt huma sostnew li “Malta has experienced remarkable growth over the past decade”, fl-istess ħin li antiċipaw li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna “will remain among Europe’s highest”, minkejja s-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali inċerta.
Tal-IMF qed ibassru li, din is-sena biss, il-ġid nazzjonali se jiżdied b’5%, kif indikat ukoll il-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar jiem, waqt li għas-sena d-dieħla mistenni jkun hemm tkabbir ta’ 4%.
F’kummenti fuq il-pjattaforma X, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-analiżi u l-pariri tal-esperti barranin dwar l-istrateġija għat-tkabbir mibni fuq il-produttività lokali.
Ta’ min jinnota wkoll li l-esperti internazzjonali qed ibassru li, fis-snin li ġejjin, mistennija tonqos iż-żieda fil-ħaddiema barranin f’pajjiżna. Dan fid-dawl tad-direzzjoni strateġika tal-Gvern li jiffoka fuq attività ekonomika ta’ produttività għolja.
Skont l-IMF, “Malta excels in digitalization and is well-positioned to harness the benefits of AI”. Għalhekk l-esperti ħeġġew lill-Gvern Malti biex ikompli jiżviluppa strategija ta’ tkabbir ekonomiku li tenfasizza l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, id-diġitalizzazzjoni u l-qalba ambjentali. Dan filwaqt li laqgħu l-bidu tal-proċess biex tiġi żviluppata l-‘Viżjoni Malta 2050’.
L-esperti tal-IMF sostnew ukoll li jaqblu mad-direzzjoni ġenerali tal-politika fiskali tal-Gvern u nnotaw kif id-dejn nazzjonali se jibqa’ madwar 50% tal-ġid nazzjonali.
Huma laqgħu l-bidliet amministrattivi li seħħew biex tjiebet ir-rata ta’ ġbir ta’ taxxa, filwaqt li ħeġġew lill-Gvern juża l-opportunità tal-bidla fir-reġim ta’ taxxa fuq negozji biex jintroduċi inċentivi favur aktar produttività.
Bħal fi snin oħrajn, ir-rapport tal-IMF jirrakkomanda li jinteħħew is-sussidji fuq id-dawl u l-fjuwil, għax, skonthom, dawn jammontaw għal 20% tad-defiċit tal-Gvern u li dawn il-flus jistgħu jintużaw għal aktar investiment pubbliku.
Iżda, kif diġà ġie espress diversi drabi, il-Gvern jemmen li, mingħajr dawn is-sussidji, il-familji u n-negozji tagħna jieħdu daqqa kbira u, b’riżultat t’hekk, l-ekonomija tagħna tiddgħajjef, b’riskju kbir għall-finanzi pubbliċi u għall-investiment pubbliku u privat.