Li r-riformi fil-Qrati ta’ Malta qed ifissru titjib fis-servizz offrut tikkonfermah il-Kummissjoni Ewropea.
Kummissjoni Ewropea li fil-Country Report dwar pajjiżna tikkonferma li kien hemm titjib fl-effiċjenza tas-sistema ġudizjarja, u li qed tintrebaħ il-ġlieda kontra d-dewmien fil-Qorti.
Fl-analiżi tagħha, l-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tgħid li fil-każ ta’ kawżi amministrattivi, il-clearance rate – iġifieri r-rata ta’ kawżi li jinqatgħu – żdiedet minn ftit inqas minn 29% fl-2010, għal kważi 411% fl-2015.
B’hekk minn sitwazzjoni li kienet qed toħloq lista ta’ stennija dejjem itwal, pajjiżna ġie f’sitwazzjoni li għal kull kawża li tidħol jinqatgħu iktar minn erbgħa.
Barra minn hekk, jinnota li r-rata ta’ kemm idumu biex jinqatgħu kawżi amministrattivi fl-ewwel istanza, magħrufa bħala Disposition Time, naqsu minn 2,758 ġurnata fl-2010, għal 485 ġurnata fl-2015.
Flimkien ma’ dan, il-Country Report jinnota li jekk naraw il-kawżi kollha ċivili fl-ewwel istanza, id-dewmien naqas minn 866 ġurnata fl-2010, għal 447 jum fl-2015. Tnaqqis ta’ kważi n-nofs.
Dawn l-iżviluppi pożittivi huma riflessi wkoll fit-tnaqqis tal-kawżi pendenti, hekk kif fil-qrati Ċivili kollha tal-ewwel istanza kien hemm tnaqqis sostanzjali.
Filwaqt li fl-2014 kien hemm 10,845 każ pendenti, dawn niżlu għal 9,459 fl-2015, għal 7,812 f’Jannar ta’ din is-sena.
Il-Country Report ma jiqafx hemm, u jsemmi li hemm sfidi fil-kamp tal-insolvenza, iżda jinnota l-fatt li l-Gvern ressaq pakkett ta’ emendi bi propsti konkreti li jindirizzaw dawn id-diffikultajiet. Proposti li fil-Parlament ġew approvati fi stadju tat-tieni qari.
Il-Kummissjoni Ewropea tinnota wkoll riformi li saru fil-kamp tal-proċedura Ċivili, it-twaqqif tal-Court Attorneys, u emendi Kostituzzjonali dwar il-ħatra u d-dixxiplina tal-Ġudikanti.
Għaldaqstant il-Country Report tal-Kummissjoni Ewropea huwa ċertifikat tal-ħidma li saret fil-kamp tal-Ġustizzja biex din tissaħħaħ kemm mill-lat ta’ tnaqqis ta’ dewmien, u kwalità.