Dan huwa Gvern li bla dubju jemmen fis-soċjal.
Stqarr dan il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon, b’reazzjoni għall-fatt, li s-sena l-oħra, l-investiment fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali kien l-akbar wieħed fl-istorja ta’ pajjiżna.
Skont ċifri tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn ħareġ ukoll li l-investiment soċjali rdoppja meta mqabbel ma’ 12-il sena ilu, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista.
Is-sena l-oħra, il-benefiċċjarji kollha, kemm dawk kontributorji kif ukoll dawk mhux kontributorji, tħallsu kważi €1.5 biljun, fejn meta mqabbel ma’ sena qabel, l-investiment kiber bi kważi €166 miljun. B’din kienet l-akbar żieda li qatt ġiet irreġistrata f’sena waħda fl-investiment soċjali.
Dwar dawn iċ-ċifri, tlabna r-reazzjoni tal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
“Fi tnax-il sena, l-investiment li għamel dan il-pajjiż f’pensjonijiet u benefiċċji soċjali, irdoppja. Jekk tħares lejn aspett ieħor ukoll, in-nies li jiddependu fuq l-assistenza soċjali naqsu. Dan ifisser li l-investiment f’figuri kien tad-doppju, imma fir-realtà, għan-nies hemm barra fisser aktar. Bla dubju ċertifikat ta’ Gvern li jemmen fis-soċjal.”
Il-Ministru Michael Falzon
L-aktar faxxa ta’ nies li bbenefikaw minn dawn il-benefiċċji – hekk kif bejniethom ħadu 80% tal-ħlasijiet, kienu l-anzjani u l-familji bit-tfal.
L-investiment fuq il-pensjonijiet tal-irtirar, tal-invalidità, tar-romol u tal-età mhux kontributorja, flimkien mal-bonus li jitħallas separatament lil dawn il-benefiċċjarji, b’kollox żdied b’aktar minn €101 miljun u laħaq il-€1.16 biljun.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li, is-sena l-oħra, il-familji bit-tfal gawdew mill-akbar żidiet qatt mogħtija f’sena waħda, kemm fil-benefiċċji li jitħallsu għat-tfal u kif ukoll fil-ħlas tal-benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja – b’dawn żdiedu bi kważi €45 miljun f’sena waħda biss.
Kważi mija u sebat elef persuna gawdew mill-benefiċċju addizzjonali tal-COLA, fejn b’kollox gawdew aktar minn tnejn u erbgħin miljun ewro.
Dan hu rifless ukoll f’rati rekord ta’ impjiegi, l-inqas livelli ta’ qgħad u tnaqqis fil-faqar u d-dipendenza soċjali, tant li, fuq medda ta’ għaxar snin, l-għadd ta’ dawk fuq l-assistenza soċjali niżlu bi 62%, filwaqt li persuni fuq l-assistenza għall-qgħad niżlu bi 92%.