L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Standard & Poor’s ikkonfermat rating ta’ A- bi prospetti stabbli għal pajjiżna.
Dan baqa’ l-aqwa livell ta’ rating li din l-aġenzija tat lil pajjiżna fl-aħħar għaxar snin.
F’rapport mill-esperti ta’ Standard & Poor’s magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, ingħad li dan iċ-ċertifikat pożittiv għall-ekonomija Maltija ġej minħabba li l-produttività f’Malta baqgħet għaddejja.
Dan f’kuntest li l-impjiegi ġew salvati u bosta nies baqgħu jaħdmu hekk kif waqt pandemija Malta naqset il-qgħad f’livelli rekord fl-istorja.
L-esperti ta’ din l-aġenzija Amerikana, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd qalu li l-investiment f’pajjiżna żdied b’19% u dan jindika tkabbir ekonomiku b’saħħtu.
Fuq sinjali ta’ rkupru mill-pandemija, Standard & Poor’s semmiet il-programm ta’ tilqim b’saħħtu li kellha Malta waqt li kien hemm l-għajnuna finanzjarja mill-Gvern bħal Covid Wage Supplement.
Ir-rapport ta’ Standard & Poor’s saħansitra jsemmi li l-ġid nazzjonali se jkompli jikber b’0.8% u dan meta statistika uffiċjali tal-NSO diġà wriet li l-ġid nazzjonali s-sena l-oħra waqt pandemija jiżboq dak fl-2019, meta ma kienx hawn pandemija, b’nofs biljun ewro.
Dwar l-FATF, ir-rapport jinnota kif Malta indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF, kif qalet l-FATF stess il-ġimgħa l-oħra, bl-esperti ta’ Standard & Poor’s jgħidu li dan ifisser li Malta mistennija daqt titneħħa mill-proċedura t’aktar moniteraġġ.
L-espert internazzjonali qed ibassru wkoll li daqs tliet snin oħra, id-defiċit se jonqos għal 1% filwaqt li s-sena d-dieħla l-piż tad-dejn se jinżel taħt is-60%.
Fl-2011, taħt il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi, id-dejn ta’ pajjiżna kien ilaħħaq is-70.2%, ferm iżjed minn meta pajjiżna beda jaffaċċja kriżi ferm akbar bil-pandemija tal-Covid-19.
Intant fuq Twitter il-Prim Ministru Robert Abela qal kif minkejja l-effetti tal-pandemija u kif ukoll it-tensjonijiet riċenti bejn ir-Russja u l-Ukrajna, S&P ikkonfermaw ir-rating stabbli u b’saħħtu għal Malta, l-aqwa wieħed f’diċenju. Qal kif jekk naħdmu fuq dak li diġà ħdimna, flimkien nistgħu nibnu prosperità ġdida.