L-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Standard & Poor’s ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna A-, bi prospetti stabbli għal pajjiżna. B’dan huwa l-aqwa livell ta’ rating li din l-aġenzija tat lil Malta fl-aħħar għaxar snin.
L-ekonomisti internazzjonali u indipendenti sostnew li l-ekonomija Maltija qed tikber b’mod b’saħħtu u hija ferm aqwa meta mqabbla ma’ pajjiżi fiż-Żona Ewro. Dan hekk kif qed ibassru li l-ekonomija din is-sena se tikber b’aktar minn sitta fil-mija u tkompli għaddejja b’ritmu b’saħħtu għat-tliet snin li ġejjin.
L-esperti li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd innotaw li t-tkabbir ekonomiku huwa dovut minħabba żieda qawwija fit-turiżmu u konsum privat, li huwa b’saħħtu wkoll. Skont ċifri tal-NSO, ippubblikati din il-ġimgħa, fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, in-nefqa mit-turisti kienet ta’ nofs biljun ewro aktar mis-sena l-oħra. B’din tilħaq il-valur ta’ aktar minn €2.9 biljun fl-ekonomija Maltija.
Ġie nnotat ukoll kif minkejja li pajjiżna għandu defiċit aktar minn dak mixtieq mill-Kummissjoni Ewropea, il-livell tad-dejn huwa sostenibbli. Bid-dejn nazzjonali se jibqa’ ferm taħt is-60%, li hu stipulat skont Brussell. Dan mistenni jibqa’ taħt il-50%.
Dwar din l-aħbar irreaġġixxa l-Prim Ministru Robert Abela fuq il-pjattaforma soċjali X. Qal li f’ġimgħa ta’ żieda fl-inċertezza globali, Malta ġabet ċertifikat ieħor pożittiv. Dr Abela nnota li l-aġenzija internazzjonali semmiet id-deċiżjoni li ħa l-Gvern, il-prezzijiet tal-enerġija baqgħu stabbli. Waqt li semma li t-tkabbir ekonomiku lokali huwa reżiljenti.