Il-World Islamic Call Society tat ċertifikazzjoni Halal lill-Biċċerija pubblika għall-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u dawk tan-nagħaġ u l-mogħoż.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, fil-preżenza tad-Deputat Imam, Shaban Gwirb.
Iċ-ċertifikazzjoni Halal tagħti serħan il-moħħ lil dawk ta’ reliġjon Musulmana li jixtru laħam tal-ħaruf, tal-mogħoż u taċ-ċanga lokali, li l-prodotti jkunu ppreparati skont il-liġi Iżlamika u huma permissibbli għall-konsum mill-Musulmani.
Dan jinvolvi metodi speċifiċi ta’ qatla u pproċessar tal-annimali li jenfasizzaw it-trattament uman tal-annimal, kif ukoll l-indafa tal-impjant.
Il-Ministru Refalo spjega li, permezz ta’ din iċ-ċertifikazzjoni, raħħala Maltin issa jistgħu jilħqu swieq ġodda, kemm f’Malta kif ukoll barra, kemm lejn komunitajiet Musulmani fl-Ewropa kif ukoll fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani.
Fl-istess ħin, hu kompla jgħid, din l-inizjattiva torbot perfettament mal-viżjoni tal-Gvern li tirrispetta u tħaddan id-diversità.
“Minn qalbi nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti biex il-Biċċerija pubblika setgħet takkwista dan iċ-ċertifikat Halal, fosthom naturalment il-komunità Musulmana f’Malta, il-maniġment tal-Biċċerija u naturalment ukoll ix-xirka tan-nagħaġ u l-mogħoż.”
Il-Ministru, Anton Refalo
Id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika, Stefan Cachia, fisser li ċ-ċertifikat ikompli jibni fuq il-ħidma li saret fl-aħħar snin biex jitjieb il-livell fil-Biċċerija.
“Dan iċ-ċertifikat Halal qed juri li l-Biċċerija pubblika laħqet livelli ta’ kwalità li, permezz tiegħu, waqt li qed nibnu fuq il-kisbiet fl-aħħar snin, tajna wkoll biex noffru opportunitajiet ġodda lis-settur lokali, hu qed juri rikonoxximent internazzjonali għal dak kollu li rnexxielna niksbu u fl-istess ħin xprun biex inkomplu noħolqu prodotti ġodda għall-klijenti tagħna barra u anke Malta, effettivament mill-oriġini tagħhom kemm kulturali kif ukoll reliġjuż.”
Stefan Cachia, Direttur Ġenerali, Biċċerija