Il-Kunsill Ewropew illum qabel mal-pjan fiskali tal-Gvern Malti biex inaqqas id-defiċit taħt it-3%, filwaqt li approva t-tkabbir ippjanat fl-ispiża pubblika għax hu konformi mal-mira li d-defiċit tal-Gvern Malti jitjieb kif mixtieq.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Finanzi, il-Gvern Malti laqa’ dan iċ-ċertifikat pożittiv li ngħata mill-Kummissjoni Ewropea fejn tidħol fiduċja fl-amministrazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna.
L-Unjoni Ewropea nnotat it-triq fid-direzzjoni t-tajba li qed jaħdem fiha pajjiżna biex jindirizza t-tnaqqis fid-defiċit, l-investiment permezz tan-nefqa u l-pjan fiskali ta’ pajjiżna wara li l-Gvern ressaq baġit li kien jinvolvi miżuri kbar ta’ investiment fil-poplu, fosthom l-għaxar żieda fil-pensjonijiet, żieda qawwija oħra ta’ €250 lil kull wild fiċ-Children’s Allowance u l-akbar tax-cut fl-istorja.
Il-Gvern sostna wkoll li l-finanzi pubbliċi se jkomplu jissaħħu, bit-tkabbir ekonomiku jissarraf f’ġid ta’ kwalità għall-familji Maltin u Għawdxin.