Il-Kunsill tal-Ewropa kellu kliem ta’ tifħir għal Malta li implimentat b’suċċess għaxar miżuri oħra li joħorġu mill-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Il-kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul innota b’sodisfazzjon li l-istrateġija nazzjonali kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika li ġiet approvata f’Ottubru li għadda, tinkwadra sew l-obbligi tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
Dokument mibgħut mill-Kunsill tal-Ewropa lill-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, ifaħħar il-ħolqien tal-mekkaniżmu ta’ kordinazzjoni bejn diversi entitajiet biex jiffoka fuq il-miżuri kontra l-vjolenza domestika fil-forom kollha tagħha.
Jgħid ukoll li huwa pass pożittiv ħafna li l-Korp tal-Pulizija issa għandu taqsima speċjalizzata b’taħriġ apposta dwar il-vjolenza domestika u li jsaħħu r-riżorsi tas-sistema ġudizzjarja fil-Qrati biex ikunu trattati l-każijiet ta’ vjolenza domestika.
Il-Kunsill tal-Ewropa laqa’ l-proċeduri adottati mis-servizzi tas-saħħa biex tingħata l-għajnuna lill-vittmi tal-vjolenza domestika u li l-Parlament approva l-liġi li żżid l-aggravju tal-femiċidju fil-kodiċi kriminali.
Il-kumitat għamel ukoll ħames rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet Maltin biex ikompli jissaħħaħ l-impenn kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg esprimiet sodisfazzjon li l-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam qed tikseb rikonoxximent internazzjonali. Hija tenniet l-impenn tal-Gvern li jkompli bir-riformi u bil-ġlieda kontra l-pjaga tal-vjolenza domestika.
Il-Kummissarju kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan waqt li laqgħet l-evalwazzjoni pożittiva tal-Kunsill tal-Ewropa, qalet li l-Kummissjoni kommessa li tibqa’ taħdem u tikkoordina mal-entitajiet konċernati sabiex tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-intir tagħha.
Link għar-rapport: https://rm.coe.int/ic-cp-2024-4-cop-conclusions-malta-eng-/1680b0476c.