“Ċert li l-kontribut t’Alex fit-tim tal-Partit Laburista ħa jkun wieħed eċċellenti immens”. Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt it-tnedija tal-kampanja elettorali ‘Għalik u Għal Malta’ tal-kandidat tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba.
Waqt id-diskors tiegħu, Joseph Muscat sostna li dan kien il-pass naturali t’ Alex hekk kif huwa tela’ tarġa wara l-oħra fl-istrutturi tal-Partit Laburista sa minn meta kellu 16-il sena. Il-Mexxej tal-Partit Laburista rringrazzja lil Alex tax-xogħol li għamel fis-snin li għaddew fil-Forum Żgħażagħ Laburisti mingħajr qatt ma talab xejn lura. Huwa qal li l-mod ta’ kif qiegħed jikkampanja Alex, iħabbat il-bibien tan-nies, huwa mod eżemplari għal kulħadd għax verament qiegħed jisma’ lil kulħadd.
Min naħa tiegħu l-kandidat Laburista, Alex Agius Saliba, rringrazzja lil mijiet li attendew għat-tnedija tal-kampanja tiegħu u lill-attivisti u d-delegati tal-Partit Laburista li sa minn 16-il sena ilu emmnu fil-kapaċitajiet politiċi tiegħu. Agius Saliba sostna li huwa kien fil-partit kemm fiż-żminijiet feliċi kif ukoll dawk li kienu diżappuntanti, biss baqgħa jemmen li dan huwa l-partit li setgħa jbiddel il-pajjiż.
Agius Saliba tenna li hu jrid ikun leħen sod għal Maltin u l-Għawdxin kollha fl-istituzzjonijiet Ewropej, iżda fuq kull irid ikun hemm biex jiddefendi isem pajjiżna għal kontra tal-Maltin oħra li nfexxew jattakaw lil Malta tul l-aħħar snin. “Qiegħed hawn biex ma nħalli l-ħadd ixekkel il-progress u t-tkabbir li għamel pajjiżna”. Huwa ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex nhar il-25 ta’ Mejju li ġej jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll id-Deputat Laburista Robert Abela, l-Ministru Ian Borg u l-Ministru Chris Cardona.
Min naħa tiegħu Robert Abela qal li fil-fehma tiegħu Alex huwa tifel tal-partit li f’kemm ilu jimmilita fl-istess partit minn dejjem kien hemm kemm fiż-żminijiet diffiċli u anke fiż-żminijiet sbieħ.
Il-Ministru Ian Borg sostna li fiż-żmien twil li ilu jaf lil Alex dejjem jafu bħala tifel b’imħabba u passjoni għall-Partit Laburista. Borg sostna li huwa jemmen li Alex għandu l-kwalitajiet kollha neċessarji sabiex jagħmel membru parlamentari ewropew tajjeb.
Fl-aħħarnet, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Cardona tenna li Alex għandu jibqa’ jżomm il-konvinzjoni li dejjem kellu favur il-ġustizzja soċjali u l-imħabba lejn il-Partit Laburista. Huwa qal li se jkun wieħed minn dawk li se jivvota lil Alex biex isir membru parlamentari ewropew.
Agius Saliba rringrazzja lill-kelliema kollha waqt it-tnedija tal-kampanja elettorali tiegħu filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li qed jingħaqdu miegħu f’din il-mixja li qed jagħmel għal Mejju li ġej.