Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, ippresedew waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Midalji għal Servizz Twil u Effiċjenti tal-Korp tal-Pulizija. 129-il membru tal-Pulizija u ex pulizija ġew onorati b’midalja u clasps għal servizz twil u effiċjenti f’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-okkażjoni tal-lum hi opportunità biex membri tal-Korp, kif ukoll eks-membri jiġu onorati b’medalji u clasps għal servizz twil u effiċjenti. “Huwa ta’ pjaċir għalija li llum qiegħed hawn biex nuri l-apprezzament tiegħi għad-dedikazzjoni tal-membri.”
Il-Ministru Michael Farrugia stqarr li r-rata tal-kriminalità qiegħda tonqos, fl-2017 naqqset b’0.9%, u fl-2018 naqqset b’7%. Din is-sena, meta kkumparat bejn Jannar u Settembru mas-sena li għaddiet, kompliet tonqos. Il-Ministru qal li s’issa ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 4% u dan hu riżultat ta’ ħidma kontinwa min-naħa tal-membri tal-Korp.
Il-Ministru għamel referenza għal numru ta’ pjanijet li bħalissa għaddejjin fil-Korp fosthom il-proġett pilota ta’ community policing fil-kommunità tal-Mellieħa. Dan il-proġett qed jiġi evalwat u se jigi estiż għal erba’ timijiet is-sena d-dieħla, fejn uħud minnhom ser ikollhom aktar minn lokalità waħda. “Żdiedu n-numru tal-Pulizija pajżana fit-toroq, bdejna l-kunċett ta’ target policing mill-ewwel f’żoni fejn ikun hemm żieda ta’ kriminalità u bdejna proġett ta’ użu ta’ apps għal mobiles fil-ġlieda kontra l-kriminalità.”
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-Korp qed jinvesti fit-taħriġ tar-riżorsi umani u f’apparat tal-aħħar teknoloġija sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità relatata ma’ krimini ekonomiċi, ta’ cyber u l-użu abbużiv tat-teknoloġija tal-informatika. Saħaq dwar il-bżonn li nkunu innovattivi fis-sistemi li naħdmu bihom.
Il-Ministru Farrugia rringrazzja lill-membri tal-Korp tal-Pulizija tax-xogħol li jagħmlu ta’ kuljum u li ħafna drabi jkun ta’ riskju għal ħajjithom. Huwa inkoraġġihom sabiex jibqgħu jaħdmu fil-ġlieda kontra l-kriminalità.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li l-midalja li qed tingħata fiha sinifikat u valur kbir għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Qal li dan hu unur u ġieħ li joħroġ mill-Att ta’ Ġieħ ir-Repubblika. Dan iffisser li dan l-unur qed jingħata lill-membri mill-Istat. Il-Kummissarju qal li wasal iż-żmien li ċerti kriterji ta’ kif jingħata dan l-unur jiġu riveduti. Qal li minħabba affarijiet żgħar, hawn uħud li ma setgħux ikunu preżenti. Il-Kummissarju Cutajar tkellem ukoll dwar is-suċċessi li kisbu l-membri tal-Korp matul l-aħħar xhur, fosthom t-tnaqqis fil-kriminalità organizzata u qabdiet record ta’ droga. Is-Sur Cutajar semma wkoll numru ta’ proġetti li l-Korp se jkun qed iwettaq matul is-sena d-dieħla.
Din is-sena, 50-il pulizija ngħataw il-medalja għal servizz twil u effiċjenti wara li għalqu 18-il sena servizz, 63-il pulizija ngħataw l-ewwel clasp wara 25 sena servizz, u 8 pulizija rċivew t-tieni clasp tagħhom wara 30 sena ta’ servizz. Tmien ex membri ngħataw il-medalji u/jew clasp wara li spiċċaw mis-servizz u oħrajn li reġgħu ġew ingaġġati bħala riservi.