L-Erbgħa filgħaxija saret iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tat-22 edizzjoni tal-European Company Sport Games fiċ-ċentru ta’ Salzburg, fl-Awstrija. Aktar minn 7,000 atleta minn għadd ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom Malta, ħadu sehem f’ċerimonja ferm ikkulurita ta’ madwar sagħtejn.
Il-kontinġent Malti, iffurmat minn 45 atleta, mexa’ wara l-bandiera Maltija li ġarrha Kenneth Vella, rebbieħ ta’ 38 titlu tal-Badminton matul il-karriera tiegħu. Vella jifforma parti mit-team tal-Badminton li se jkun qed jieħu sehem fit-tournament għal teams ta’ ‘l fuq minn erbgħin sena.
Waqt il-march-past tal-atleti Maltin indaqqet id-diska popolari ‘Viva Malta’ tal-kantant Freddie Portelli.
Il-pajjiżi mmarċjaw f’ordni alfabetika, bl-Awstrija bħala organizzaturi jkunu l-aħħar pajjiż fil-march-past. Il-pajjiżi kollha li qed jieħdu sehem f’dan it-tournament huma l-Belgju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Ġrecja, l-Italja, l-Iżrael, il-Latvja, il-Litwanja, in-Norvegja, l-Olanda, ir-Repubblika Ċeka, l-Islovakkja, l-Islovenja, Spanja, l-Isveżja u l-Ungerija.
Il-logħob kompetittiv beda l-Ħamis filgħodu u jibqa’ sejjer sas-Sibt filgħaxija fejn jintemm biċ-Ċerimonja tal-Egħluq.
L-atleti Maltin se jieħdu sehem fl-atletika, fil-badminton, fil-Beach Volley, fil-bowling u fid-darts.
Ritratt: Tonio Magro