Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, ippresedew waqt iċ-ċerimonja ta’ rikonoxximent lil persuni sportivi f’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Il-Ministru Michael Farrugia beda d-diskors tiegħu billi sellem lill-memorja ta’ Ryan Tonna li proprju llum ingħata l-aħħar tislima. Fakkar li Ryan kien wkoll atleta li f’dawn l-aħħar sentejn għamel kisbiet kbar. Il-Ministru tenna illi l-okkazzjoni tal-lum hi opportunità biex membri tal-Korp jiġu rikonoxxuti għal kisbiet sportivi tagħhom.
Il-Ministru Michael Farrugia stqarr illi l-parteċipazzjoni hija importanti u ħeġġeġ sabiex jkun hemm aktar parteċipazzjoni mill-membri fil-korp tal-Pulizja għaliex dejjem taw riżultati tajbin meta kkumparati ma’ korpi dixxiplianti oħra.
Il-Ministru għalaq id-diskors tiegħu u għamel referenza fuq ambizzjoni li jixtieq jara l-frott tagħha, billi jissokta jaħdem fuq il-pjanijiet imfassla. Hu qal li jixtieq jara l-ħolma tiegħu li titwaqqaf unit apposta li tieħu ħsieb is-saħħa tal-membri tal-korpi dixxiplinati, fejn jidħlu dieti, ta’ kif wieħed għandu jieħu ħsieb tiegħu nnifsu kif wkoll inizjattivi sportivi fejn diġà ġie identifikat persuna li jista’ jgħin f’dan il-proġett sabiex jinfetaħ dan iċ-ċentru għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Waqt l-attività ngħataw trophies għall- kompetizzjoni tal-futboll kif ukoll trophies u ċertifikati lil dawk li ddistingwew ruħhom lokalment kif ukoll barra minn Malta fil-qasam sportiv.
Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lill-membri tal-Korp tal-Pulizija tax-xogħol li jagħmlu ta’ kuljum u ta l-awguri tiegħu għal sena ġdida, lilhom u l-familji tagħhom.