F’ċerimonja spettakolari fil-kapitali Franċiża, Pariġi, il-Ħadd filgħaxija waslet fi tmiemha t-tlieta u tletin edizzjoni tal-logħob Olimpiku għal din is-sena. Is-serata bdiet bl-għawwiem Franċiż, li wkoll kien wieħed mill-protagonisti f’dan il-logħob internazzjonali, ġarr il-fjamma Olimpika lejn is-Stade de France.
Wara segwiet il-mixja simbolika mir-rappreżentanti ta’ kull pajjiż li pparteċipaw iżommu l-bandiera rispettiva, inkluż dik ta’ Malta, li nġarret mill-atleta Katryna Esposito, li rrappreżentat lil pajjiżna fid-dixxiplina tal-judo.
It-tradizzjoni trid li, f’din il-parata, l-ewwel toħroġ il-bandiera tal-Greċja, minn fejn inħoloq dan il-logħob, segwita min dik tal-pajjiż organizzattiv tal-avveniment.
Waqt iċ-ċerimonja ġew rikonoxxuti wkoll, b’għotjiet żgħar, il-volontieri kollha li għenu biex jittella’ dan l-avveniment li jkun segwit minn miljuni kbar madwar id-dinja.
Il-President tat-tim organizzativ tal-Olimpjadi għal din is-sena, Tony Estanguet, u l-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, Thomas Bach, għamlu diskorsi tal-okkażjoni fejn it-tnejn faħħru l-prestazzjonijiet tal-atleti u kif dan ma setax ikun possibbli li kieku ma kinux l-faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell. Ingħad ukoll li għalkemm il-kompetizzjonijiet ma setgħux iwasslu għall-paċi meħtieġa internazzjonalment, xorta setgħu joħolqu komunità li tispira lid-dinja.
F’simbolu ieħor ċerimonjali, il-bandiera Olimpika għaddiet mingħand il-Franċiżi lill-rappreżentati ta’ Los Angeles, fl-Istati Uniti tal-Amerka, il-pajjiż li se jkun qed jospita l-edizzjoni li jmiss fl-2028.
Wara li wkoll tkanta l-innu nazzjonali Amerkan, l-attur ċelebri Tom Cruise ħalla lil kulħadd b’ħalqu miftuħ hekk kif niżel imdendel minn mas-saqaf tas-Stade de France, simili għax-xeni magħruf għalihom fil-films ta’ ‘Mission Impossible’.
Fl-aħħar, il-fjamma Olimpika ntfiet biex, b’mod uffiċjali, ġiet fi tmiemha din l-edizzjoni.