Il-President George Vella u s-Sinjura Miriam Vella, attendew is-servizz tat-tifkira tat-tmenin anniversarju tal-Konvoj ta’ Santa Marija.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta qal li t-tama u l-kuraġġ li mlew l-ispirtu tal-Maltin bil-wasla tal-provvisti tant meħtieġa matul it-Tieni Gwerra Dinjija, għadhom fost l-aktar episodji sinjifikanti tal-istorja riċenti tagħna.
B’dispjaċir, il-President innota li tmenin sena wara, pajjiżi oħra għadhom qed isofru l-kefrija tal-gwerra u jbatu l-ġuħ u l-mard, bħall-Ukrajna, il-Jemen u s-Somalja.
Intant, is-servizz tat-tifkira ġie organizzat mill-Assoċjazzjoni tar-Royal Navy ta’ Malta, u matulu nżammet minuta silenzju biex tfakkar il-ħajjiet li ntilfu, u tpoġġew ukoll girlandi ta’ fjuri fil-baħar.