Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo inawgura uffiċjalment iċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Litteriżmu ‘Doris Vella’ f’Ta’ Sannat, Għawdex. Dan iċ-ċentru jinsab ħdejn l-iskola primarja Ta’ Sannat, u huwa mgħammar diġà b’kollezzjoni ta’ 1,500 riżorsa, fosthom kotba kbar, kotba ta’ riċerka, kotba tal-qari gradati, u logħob edukattiv. Ir-riżorsi nxtraw mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, wara konsultazzjoni mal-għalliema, il-kapijiet tal-iskejjel primarji, u t-team tal-Litteriżmu tal-Kulleġġ t’Għawdex.
Iċ-Ċentru se jkun miftuħ biex jużawh l-edukaturi kollha (għalliema tal-klassi, għalliema kumplimentari, LSTs, LSAs u KGAs fost l-oħrajn), u fih l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tkun qed torganizza sessjonijiet tal-programmi ta’ qari għall-gost għall-familji ‘Aqra Miegħi/Read with Me’ u ‘Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories’. Iċ-ċentru jkun miftuħ kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-8.30 a.m. sal-5.00 p.m. minbarra l-Erbgħa, meta jinfetaħ mit-8.30 a.m. sas-2.30 p.m. Iċ-Ċentru ssemma għal Doris Vella, kittieba u għalliema Għawdxija, li tat kontribut ewlieni fit-tixrid tal-imħabba għall-qari.
Iċ-Ċentru tar-Riżorsi sar mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol b’ kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, il-Kulleġġ t’Għawdex, u t-tmexxija tal-Iskola Primarja Ta’ Sannat. Ir-riżorsi se jkunu jistgħu jiġu missellfa miċ-Ċentru u se jitqassmu b’xejn lill-edukaturi kollha tal-Kindergarten u s-Snin Bikrin tal-iskejjel primarji tal-istat ta’ Malta u Għawdex.