Minn Jannar li ġej, iċ-Ċentru tal-Kontroll tat-Traffiku se jkun miftuħ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Dan tħabbar waqt żjara li għamel il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg f’dan l-istess ċentru fi ħdan Transport Malta.
Dan iċ-ċentru nfetaħ fil-ħamsa u għoxrin ta’ Settembru li għadda bl-għan li jindirizza aħjar il-problemi tal-konġestjoni tat-traffiku f’pajjiżna – effett ta’ ekonomija dejjem tikber u ż-żieda ta’ tnejn u erbgħin vettura kuljum li komplew ipoġġu sfidi akbar f’dan ir-rigward.
Bħalissa ċ-ċentru huwa mgħammar b’sebgħa u għoxrin kamera li jsegwu dak kollu li jkun għaddej fit-toroq madwar il-pajjiż. Kameras li mistennija jirduppjaw fiż-żmien li ġej biex jaġġornaw lill-pubbliku b’dak kollu li jkun għaddej.
Proċess bħal dan jitlob kollaborazzjoni sħiħa ma’ entitajiet differenti f’pajjiżna, sabiex f’każ ta’ inċident tat-traffiku, il-pubbliku jiġi mgħarraf minnufih u mitlub jgħaddi minn rotot alternattivi.
Barra minn hekk, fl-istess ċentru hemm ukoll mapep iffukati fuq it-trasport pubbliku. Dawn juru id-diversi rotot u d-direzzjoni li fihom ikunu sejrin il-karozzi tal-linja sabiex f’każ li jkun hemm karozza li tieqaf jew ma tkunx puntwali għal xi raġuni jew oħra, jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tinstab soluzzjoni.
Il-Ministru Ian Borg ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin l-uffiċjali fit-toroq se jkunu mgħammra b’body cameras u anke dash cameras fil-vetturi tagħhom, filwaqt li ser jiżdiedu ħamsa u għoxrin kamera oħra ma’ dawk eżistenti biex jirdoppja wkoll il-moniteraġġ li jkun qed isir.
Il-Ministru Borg żied jgħid li dan mhux servizz iżolat, hekk kif f’dawn l-aħħar xahrejn tnieda wkoll is-servizz bla ħlas ta’ towing f’emerġenza li minnu qed igawdu medja ta’ għaxar karozzi kuljum.