Ix-xogħol fuq il-binja taċ-ċentru tar-riżorsi ġewwa l-kampus ta’ Raħal Ġdid tal-MCAST għaddej ġmielu u daħal fl-aħħar fażi tiegħu.
Dan il-proġett b’investiment ta’ għaxar miljun ewro jinvolvi medda ta’ art ta’ elfejn u tliet mitt metru kwadru u erba’ sulari.
F’din il-binja se jkun hemm diversi faċilitajiet u servizzi għall-istudenti fosthom żewġ spazji għal esebizzjoni, auditorium, 14-il uffiċċju għad-diretturi u għall-managers, żewġ boardrooms, 16-il klassi, kafetterija, librerija maqsuma fuq żewġ sulari kif ukoll spazju fejn wieħed jista’ jaħdem u jistudja u jilgħab.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru Owen Bonnici fisser l-importanza ta’ dan l-investiment biex inkomplu niżviluppaw l-ambjent fiżiku kif ukoll ninvestu fl-istudenti u fl-edukaturi tagħna.
Ma’ dan il-ħsieb ingħaqad il-Prinċipal tal-MCAST James Calleja.
Huwa qal: “Hawnhekk se jkollna il-librerija u spazju fejn l-istudenti tagħna jistgħu joqogħdu trankwillament jistudjaw, jaqraw, jew jieħdu għajnuna individwali mill-għalliema tagħna. Però din il-binja tmur oltre minn hekk. Din il-binja se tkun miftuħa għal komunità. Din il-binja se tkun miftuħa il-ġranet kollha tal-ġimgħa u l-ħin kollu.”
Il-Ministru għal Edukazzjoni Owen Bonnici tkellem f’kuntest li bosta studenti qed jagħżlu korsijiet vokazzjonali u għalhekk kien importanti li MCAST jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji sabiex jikber u jimxi ‘l quddiem.
Huwa sostna: “L-idea ta din il-binja hi li tkun aċċesibli kompletament għal komunitajiet. Ma tkunx biss binja tal-istudenti u tal-edukaturi imma anke ta’ min joqgħod fil-komunitajiet li għanna f’Malta u Għawdex. Din ħa tkun miftuħa 24/7 jiġifieri l-ħin kollu u se toffri riżorsi biex kull min jixtieq jiġi hawnhekk u jgawdi mis-servizzi li jkollha din il-binja jista’ jagħmel hekk.”