Fi Triq Villambrosa, il-Ħamrun, l-anzjani issa jistgħu igawdu minn ċentru ta’ matul il-jum aktar modern.
Dan iċ-ċentru, li jaqa’ taħt il-kappa tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, mhux biss huwa aċċessibbli għall-anzjani, iżda wkoll mgħammar b’dak kollu li jeħtieġu.
Dan kien xiehda fil-kummenti li tawna l-anzjani li kienu preżenti, waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela f’dan iċ-ċentru rinnovat.
Dan ir-rinovar, li tlesta fi tliet xhur, sar mill-handymen li jżuru r-residenzi tal-anzjani, biex isewwu l-ħsarat li jkollhom.
Il-Ministru għall-Anzjani, qal li dan iċ-ċentru jara xelta ta’ attivitajiet fosthom l-eżerċizzju fiżiku.
“Irrinovajnih, kif qegħdin taraw, tibjid, l-art aktar iġenika, kmamar tal-banju, uffiċini, kċina, sistema ta’ airconditioning, jiġifieri hawnhekk saret biċċa xogħol tajba, saret biċċa xogħol in-house, b’investiment ta’ €35,000. Il-proġett sar fi żmien 3 xhur.”
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, Renzo De Gabriele qal li dan huwa wieħed minn kullana ta’ ċentri u postijiet li qed jiġu tranġati għall-benefiċċju tal-anzjani Maltin u Għawdxin.