Ġie inawgurat iċ-Ċentru Edukattiv tal-Buskett, post ġdid t’għarfien ambjentali għall-familji, studenti u viżitaturi li jżuru l-Buskett.
B’investiment ta’ €240,000, Ambjent Malta ttrasformat kmamar agrarji li kienu ilhom snin twal mitluqin fid-daħla prinċipali tal-Buskett f’ċentru għall-attivitajiet edukattivi dwar żergħa ta’ siġar u xtieli, u attivitajiet ambjentali oħrajn.
Iċ-Ċentru Edukattiv tal-Buskett kien iddisinjat b’mod li jikkumplimenta l-ambjent storiku u s-siġar li jsebbħu dan il-masġar.
Dan sar bl-użu tal-ġebla Maltija, b’karatteristiċi arkitettoniċi tradizzjonali, waqt li l-binja tinkludi sala għall-attivitajiet differenti, uffiċċju għat-tim, li se jmexxi l-attivitajiet fiċ-ċentru, u faċilitajiet sanitarji.
Il-post hu mgħammar ukoll b’kameras tas-sigurtà, wifi u arja kundizzjonata, għall-kumdità u s-sigurtà tal-viżitaturi.
Id-Direttur tal-Proġetti Ambjentali ta’ Ambjent Malta Josianne Muscat spjegat li permezz ta’ dan iċ-ċentru, Ambjent Malta għandha l-għan li tlaqqa’ flimkien diversi individwi u gruppi, fosthom, skejjel, komunitajiet lokali u negozji, biex tqajjem aktar kuxjenza dwar ir-responsabbiltà li kulħadd għandu lejn l-ambjent.
Josianne Muscat qal “Ambjent Malta lestiet xogħol fuq dik il-kamra. Din il-kamra issa twaqqat u nbniet oħra minflokka u nbidlet għal ċentru edukattiv. Minn dan iċ-ċentru se jkun qed isir u tingħat informazzjoni kemm fuq il-buskett kif ukoll fuq postijiet li huma ta’ natura elfejn.”
Waqt li grupp ta’ tfal mill-iskola sajf tal-Kulleġġ San Nikola tar-Rabat kienu qed iżuru l-Buskett, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli Miriam Dalli nnotat li dan iċ-ċentru, li jinsab f’wieħed mill-isbaħ siti ta’ Natura 2000 f’Malta, qed ikompli juri kemm l-edukazzjoni ambjentali hi kruċjali għal futur aktar sostenibbli.
Il-Ministru Dalli qalet “Dan iċ-ċentru edukattiv se jkun qed iwassal informazzjoni dwar il-bijodiversita f’dan il-post, dwar kif nistgħu nipproteġu aktar postijiet bħal dawn u anke l-istorja rikka ta’ dan il-post.”
Iċ-Ċentru Edukattiv tal-Buskett hu miftuħ għall-pubbliku kuljum, mit-8:30 ta’ filgħodu sas-1:00 ta’ waranofsinhar minn Ġunju sa Settembru, u mit-8:30 ta’ filgħodu sat-3 ta’ waranofsinhar bejn Ottubru u Mejju.