Ċentru ta’ distribuzzjoni ġdid fl-Imrieħel huwa kważi lest u bħalissa qed ikun installat u provat l-apparat biex iċ-ċentru tal-Enemalta jingħaqad mas-sistema nazzjonali ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan huwa l-ħames minn sitt ċentri li qed isiru, jew saru, bħala parti mill-proġett maħsub biex jinforza s-sistema nazzjonali ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Biex issa dawn iċ-ċentri se jkunu telgħu għal 26.
Iċ-ċentri l-ġodda u t-tkabbir ta’ oħrajn qed isiru b’investiment ta’ €80 miljun biex l-Enemalta issaħħaħ u tkabbar partijiet ewlenin tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali waqt li ttejjeb is-servizzi tagħha lill-klijenti.
Il-proġett imniedi fl-2014 huwa maħsub biex isaħħaħ is-sistema nazzjonali li twassal l-elettriku lill-klijenti waqt li żżid il-flessibilità tagħha biex tkun tista’ twieġeb b’aktar ħeffa meta jinqalgħu diffikultajiet li jwasslu għall-qtugħ fil-provvista, bħal ħsarat, aċċidenti jew emerġenzi oħrajn.
Waqt li sitwazzjonijiet ta’ qtugħ fil-provvista qatt ma jistgħu jiġu eliminati, permezz ta’ dan l-investiment l-Enemalta tkun tista’ tnaqqas ir-riskju li dawn iseħħu waqt li meta jinqalgħu, jiqsar it-tul ta’ ħin tagħhom biex jingħata servizz aħjar lill-klijenti.