Mil-lum is-servizzi kollha relatati miċ-Ċentru Servizz Familja ta’ servizz.gov bdew jingħataw minn bini aktar ċentrali fil-Belt.
Dan iċ-ċentru, li jinsab fi 72, Triq Melita, se jservi ta’ one-stop-shop għal kull għajnuna soċjali.
F’dan iċ-ċentru se jsiru eżerċizzju ta’ profiling professjonali; jiġu identifikati l-iskemi u s-servizzi soċjali li hu eliġibbli għalihom; u tingħata l-assistenza kollha meħtieġa biex japplika b’suċċess. Dan kollu jsir b’rispett lejn il-privatezza tal-individwu u bla dewmien.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Mario Cutajar qal li dan iċ-ċentru se jservi wkoll ta’ proġett pilota biex dan il-proċess sussegwentament jiġi provdut ukoll mit-23 hub reġjonali li servizz.gov għandu fil-komunità.
Ċentru Servizz Familja se jkun immexxi minn servizz.gov, b’għajnuna professjonali minn social workers tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS).
Servizzi oħra provduti minn servizz.gov se jkunu disponibbli fl-istess binja.
Illum il-ġurnata servizz.gov joffri l-assistenza tiegħu ukoll permezz tal-freephone 153, ċentri tekniċi fuq servizzi tat-taxxa u tal-edukazzjoni, mis-sit servizz.gov.mt u mill-Maltapps.
Ċentru Servizz Familja hu mezz ieħor li jqarreb is-servizzi governattivi lejn in-nies u jixhed l-impenn tas-Servizz Pubbliku li jipprovdi servizz ta’ eċċellenza.