Ġie inawgurat ċentru għall-kura tad-dimensja fl-Imtarfa, l-ewwel wieħed fl-Ewropa, li se joffri servizzi kemm matul il-jum u anke matul il-lejl. Dan iċ-ċentru sar b’investiment ta’ €75,000.
Iċ-ċentru, li l-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet fuqu saru mid-Dipartiment tal-Kura fil-Komunità, se jispeċjalizza fid-diżorjentazzjoni fl-irqad li jbatu minnha ħafna anzjani bid-dimensja. Il-post hu wkoll konformi mal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-dimensja li tnediet fl-2015, hekk kif se jkopri n-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.
Iċ-ċentru jinsab biswit id-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa, u ġie ddisinjat b’mod li jixbaħ lil dar privata. B’kollox hawn spazju għal 12-il persuna kuljum, bl-applikanti se jkunu jistgħu jagħżlu sa tliet ijiem fil-ġimgħa meta jistgħu jattendu.
L-Infermier David Zerafa spjega x’attivitajiet se jkunu jistgħu jsiru fid-dar: “Hemm attivitajiet li jiffokaw fuq is-sensi ta’ dak li jkun, u għandek in-naħa l-passiva, fejn bniedem ikun irid jara xi ftit televiżjoni jew jistrieħ. Għandna wkoll ġnien fejn wieħed jista’ joħroġ isaqqi pjanta jekk hu dilettant. Dawn huma affarijiet sempliċi imma żammew lil dak li jkun fil-komunità.”
Il-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia rringrazzja lill-ħaddiema u l-kuntratturi li ħadmu fuq dan il-proġett, u fakkar li b’hekk intlaħqet miżura oħra tal-budget ta’ din is-sena, biex persuni bid-dimensja jkollhom aċċess għall-kura fil-komunitajiet tagħhom stess.
Huwa qal, “Dan huwa l-ewwel ċentru fl-Ewropa li se jiftaħ u jagħti servizz matul il-ġurnata u anke matul il-lejl biex dawk li ma jkunux jistgħu jorqdu, isirulhom attivitajiet hawnhekk.”
Wieħed jista’ japplika għas-servizz billi jżur is-sit www.activeageing.gov.mt.