Iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-WasteServ f’Wied il-Għajn se jinbidel f’ċentru interattiv attrezzat b’teknoloġija u għodod awdjoviżivi. Dan se jsir b’investiment ta’ żewġ miljun ewro minn fondi Ewropej sabiex it-tfal jitgħallmu dwar l-immaniġġjar tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari.
Dan iċ-ċentru, li jifforma parti mill-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn se jkun maqsum f’żoni differenti, u l-erba’ impjanti ġodda tal-proġett ECOHIVE se jkollhom żona ddedikata għalihom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca spjega: “Hawnhekk ħa jkunu jistgħu jifhmu għaliex għandna nissperaw l-iskart u għaliex għandna jkollna l-prattiċità ta’ mmaniġjar tal-iskart aħjar. Jiġifieri s’issa fil-pajjiż aħna dejjem għidna lin-nies x’għandhom x’jagħmlu, issa hawnhekk in-nies ħa jkunu jistgħu jifhmu first hand, jiġifieri billi jaraw huma stess, ħa jkollhom idea ta’ kif jaħdmu l-impjanti li għandna fil-kumpless Ecohive fil-limiti tan-Naxxar biex b’hekk ikollhom aktar ownership fis-separar tal-iskart, fl-immaniġjar tal-iskart u ħa nkunu qegħdin nagħmluh b’mod illi t-tfal jieħdu gost.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal illi fl-aħħar sena u nofs pajjiżna għamel bidliet radikali fis-settur tal-iskart.
Il-Ministru spjega li inizjattivi bħal dawn jiffurmaw parti mill-pjan tal-Gvern biex pajjiżna jimxi lejn ekonomija ċirkolari.
Huwa sostna: “It-tfal tagħna jistgħu jesperjenzaw kif jiġi separat l-iskart u għaliex dan isir u dan huwa importanti għaliex il-pajjiż għandu bżonn jimxi ferm aktar ‘il quddiem u allura nħarsu ‘l quddiem biex dan il-post jibda malajr kemm jista’ jkun, it-tenders diġà jinsabu fis-suq u allura issa nħarsu ‘l quddiem biex post bħal dan jilqa’ lit-tfal tagħna u jurihom il-futur ta’ pajjiżna fejn jidħol il-waste management.”