Binja abbandunata fil-Marsa mistennija tinbidel f’ċentru li l-għan tiegħu huwa li jintegra aħjar persuni vulnerabbli fis-soċjetà.
Dan iċ-ċentru li tħabbar mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej Ian Borg se jinkoraġġixxi mhux inqas minn 50 għaqda mhux governattiva biex jidħlu jagħtu sehemhom u joperaw minn dan iċ-ċentru.
Il-proġett se jiġi jiswa kważi €1,000,000 u aktar minn €800,000 minnhom se jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Il-binja se jkun qed isirilha xogħol estensiv biex tinbidel f’ċentru li jilqa’ mal-mitejn persuna vulnerabbli li jixirqilhom l-aħjar servizz biex ma jibqgħux esklużi mis-soċjetà ta’ madwarhom.
F’dan iċ-ċentru se tkun qed tingħata għajnuna terapewtika kif ukoll se jkun hemm numru ta’ kmamar fejn dawk li jersqu ’l quddiem ikunu jistgħu jirċievu appoġġ permezz ta’ pariri siewja minn counsellors professjonali. Iċ-ċentru se jinkludi wkoll faċilitajiet rikreattivi u laboratorju tal-kompjuters li għandu l-ħsieb ukoll li jgħin lin-nies biex itejbu ċertu ħiliet.
Waqt it-tħabbira ta’ dan il-proġett, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg kien saħaq li permezz ta’ infrastruttura pubblika se ntaffu l-piż tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali minn fuq nies vulnerabbli. Żied jaċċenna l-fatt li b’dan iċ-ċentru dawn in-nies se jiġu megħjuna biex jersqu eqreb lejn is-suq tax-xogħol.
Borg qal, “Proġett bħal dan jappoġġja lin-nies fi stadji differenti fil-ħajja tagħhom. Dan billi se jgħinhom fl-esperjenza tat-tagħlim, filwaqt li jipprovdi possibbiltajiet għal impjieg fil-futur u l-istabbiltà tal-ħajja tagħhom.”
Il-faqar u l-esklużjoni soċjali mhix perċezzjoni u figuri minn statistiki uffiċjali juru li l-faqar għadu preżenti iżda permezz ta’ miżuri importanti qed jinkisbu r-riżultati biex il-faqar jiġi indirizzat.
Fil-fatt, bejn l-2013 u l-2016, in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas bi kważi 5%. Statistika ppubblikata mill-uffiċju tal-istatistika f’Settembru 2016 uriet kif f’pajjiżna 5,000 persuna ħarġu mir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
Din mhix figura li nħolqot b’kumbinazzjoni iżda l-miżuri bħall-in-work benefit, iż-żieda fil-pensjonijiet, u l-proġett LEAP tassew ħallew il-frott. Issa l-Gvern tefa’ ħarstu fuq il-proġett tal-housing soċjali; b’hekk qed ikun identifikat it-tielet pilastru tal-faqar. Dawn huma fost l-aktar vulnerabbli fejn, tagħmel x’tagħmel, isibuha impossibbli biex joħorġu minn dik is-sitwazzjoni partikulari.
Huwa għalhekk li ċ-ċentru l-ġdid għall-integrazzjoni ta’ persuni vulnerabbli jagħti għodda importanti fil-komunità biex dawn in-nies jirċievu servizzi importanti għalihom f’ambjent dinjituż u li jiżboq dak li forsi ġie offrut lilhom qabel.