Ġie inawgurat iċ-ċentru għall-ħarsien tat-tfal ġdid fil-Qawra li se jifrex u jtejjeb is-servizzi tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.
Iċ-ċentru bl-isem ‘Ix-Xemx’ huwa parti mill-iskola l-primarja l-ġdida tal-lokalità, u joffri spazju modern u sigur biex jilqa’ t-tfal ta’ etajiet bikrija li jgħixu l-Qawra jew fil-viċin. Dan huwa t-13-il ċentru tal-Fondazzjoni, li b’kollox jilqgħu erba’ mitt tifel u tifla.
Fl-inawgurazzjoni l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li ċ-ċentru l-ġdid huwa frott sinerġija li hemm bejn il-fondazzjoni, il-Ministeru u l-partijiet kollha involuti, biex kulħadd ikollu edukazzjoni ta’ kwalità. Hawn fakkret fl-impenn tal-Gvern fil-ftuħ u ż-żamma ta’ dawn iċ-ċentri biex il-ġenituri, partikolarment in-nisa, jkollhom aktar ċans jinvestu fil-karriera jew l-istudji tagħhom.
Hija qalet,“Dik il-mira lħaqnieha, imma llum qed naraw ukoll l-irwol taċ-ċentri tal-ħarsien tat-tfal fl-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-edukazzjoni tas-snin bikrin. Aktar ma tibda kmieni fit-traġitt edukattiv inkunu nistgħu l-ewwelnett naraw il-ħiliet tat-tfal, u nkunu nistgħu nagħmlu screening tagħhom biex naraw x’għajnuniet ikollhom bżonn imma anke xi sfidi jaf jaffaċċjaw biex inkunu nistgħu ngħinuhom fil-proċess.”
Żiedet ukoll li l-Gvern irid ikompli jsaħħaħ is-servizzi ta’ din il-Fondazzjoni, li tmexxi wkoll SkolaSajf u l-Klabb 3-16. Hawn fakkret kif minn Ottubru se jibda servizz bi prova, li se joffru l-istess serviz ta’ childcare b’xejn b’ħinijiet estiżi. Dawn is-sitt ċentri l-ġodda se jkunu mxerrda madwar il-pajjiż, u se jkunu miftuħa anke nhar ta’ Sibt.
Il-Ministru Caruana temmet tgħid ukoll li kulma jmur id-djalogu bejn dawk kollha involuti jibqa’ kruċjali biex is-servizz jilħaq id-domanda tal-ġenituri u tat-tfal.
Hija sostniet: “Meta wieħed jitkellem fuq ċentri għall-ħarsien tat-tfal, issa wkoll għandna dokument ta’ politika għal standards kif ukoll direttorat li hu responsabbli għalihom. Kull ċentru jrid jiġi liċenzjat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, u allura kruċjali li nitkellmu u naraw kif insaħħu s-servizz għax irridu nżommuh f’livell kwalitattiv.”
Preżenti kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Pamela Seychell u l-Kap Eżekuttiv, Dermot Galea.