Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fetħet uffiċjalment is-sitt ċentru għall-anzjanità attiva f’Għawdex, li jinsab fil-Munxar.
Caruana spjegat li dan iċ-ċentru ġie addattat apposta għall-anzjani fejn sar permezz ta’ ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-parroċċa tal-Munxar. Hija qalet li dan iċ-ċentru se joffri programm ta’ life long learning varjat b’bosta attivitajiet fosthom taħriġ fil-ganutell, fit-teknoloġija diġitali, fl-arti, fir-reliġjon u fil-ġrajjiet kurrenti u attività fiżika fost oħrajn.
Fit-tnedija ta’ dan iċ-ċentru, il-Ministru għal Għawdex esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li dawn iċ-ċentri ta’ anzjanità attiva f’Għawdex huma storja ta’ suċċess. Hija fakkret kif il-Gvern kompla jibni fuq il-miżuri li ġew imwettqa fil-leġislatura li għaddiet fejn l-anzjani tagħna esperjenzaw qabża fil-kwalità tal-ħajja fejn bdew jibbenefikaw minn għadd ta’ servizzi ġodda. Hija kkonkludiet billi għamlet referenza għall-istrateġija għall-anzjanità attiva mnedija u addottata minn dan il-Gvern, fejn qalet li dan iċ-ċentru huwa turija ċara tal-impenn li għandu l-Gvern biex ikompli jimplimenta l-miżuri tal-istrateġija għall-anzjanità attiva u biex jgħin lil aktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità.
Hija rringrazjat lis-Sindku, s-Sinjura Sonya Abela u lill-Kapillan Dun Michael Said għall-kollaborazzjoni tagħhom għal din l-inizjattiva.