Post storiku fuq ix-xatt tal-Kalkara, propju taħt il-binja li llum inbidlet minn sptar tar-Royal Navy għal ċentru interattiv tal-Esplora se jkun qed isir ċentru għall-anzjani tal-Kalkara. Bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ restawr fuq din il-binja biex din iż-żona ta’ memorji tal-antik għall-anzjani tinbidel f’ċentru li se jkun qed joffri programmi interattivi għal matul il-jum.
Bil-veduta tal-Port, l-anzjani se jkunu qed igawdu minn ċentru mgħammar bl-aħjar mod għall-bżonnijiet tagħhom. Il-programmi li se jkunu qed isiru se jkunu interattivi u huma bbażati fuq ix-xewqiet tal-anzjani tal-Kalkara.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana flimkien mal-Ministru Joe Mizzi u ċ-chairman eżekuttiv tax-xjenza u t-teknoloġija Jeoffrey Pullicino Orlando nidew pjan biex il-parti ta’ isfel tal-Esplora tintuża bl-aħjar mod u titgawda mal-anzjani tal-lokal. Is-servizzi li se jingħataw se jkunu ibbażati skont il-bżonnijiet tal-anzjani li se jkunu qed jiffrekwentaw il-post.