F’Għawdex se jkun qed isir proġett ta’ estensjoni taċ-Ċentru għal matul il-jum għall-persuni b’dimensja, li jinsab f’Dar Padova. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji dwar l-Alzheimer.
Dan iċ-Ċentru huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu f’Għawdex fejn ta’ kuljum inkluż tmiem il-ġimgħa, jilqa’ fih persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja. Waqt li jkunu hemm jagħmlu diversi attivitajiet, jieħdu l-kura li għandhom bżonn permezz ta’ staff imħarreġ u speċjalizzat fid-dimensja u dan f’ambjent sigur u addattat.
Iċ-Ċentru li nfetaħ is-sena l-oħra, kien proġett suċċess fejn id-domanda żdiedet sostanzjalment, tant li ċ-Ċentru laħaq il-kapaċità massima tiegħu fi żmien qasir. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li l-ispazju jikber biex is-servizz jiżdied. Fil-fatt dan issa se jirdoppja u b’hekk inkunu nistgħu naqdu iktar bżonnijiet, kemm tal-persuni bid-dimensja kif ukoll tal-familji tagħhom.
“Kull proġett ikun ippjanat sew mill-bidu u fejn naraw li inizzjattiva tkun tajba u siewja, mill-ewwel insostnuha u nsaħħuha, kif għamilna kontinwament fl-oqsma tal-anzjani u tad-diżabilità,” saħqet Dr Justyne Caruana.
Ix-xogħolijiet fuq il-post se jibdew minnufih u huma mistennija li jieħdu ftit ġimgħat.
Dan hu proġett ieħor fis-sensiela ta’ proġetti u inizzjattivi li qed jieħu l-Gvern fil-qasam tad-dimensja biex tiġi implimentata l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja.