Ċentru l-ġdid tal-anatomija maġenb l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fir-Rabat huwa skedat li jkun lest sal-aħħar ta’ Settembru. Fi Stqarrija minn Barts u The London School of Medicine and Dentistry, Queen Mary University of London ħarġu l-impressjonijiet artistiċi.
Dan iċ-ċentru se jkun mgħammar bl-aqwa faċilitajiet li jgħinu fl-istudji anatomiċi u kliniċi.
Minn Settembru li ġej, se jkun hemm ukoll il-faċilità li jsiru attiviatjiet ta’ tagħlim, fil-ħin mal-bidu tas-sena skolastika tal-istudenti tat-tieni sena biex ikomplu l-istudji anatomiċi tagħhom kif ukoll għall-istudenti tal-ewwel sena. Il-binja se jkun fiha wkoll post għall-akkademiċi kif ukoll għall-istaff tekniku u amministrattiv.
Il-Laboratorju anatomiku se jkun iċ-ċentru tal-proġett fejn l-istudenti jipprattikaw kif ukoll jwettqu dimostrazzjonijiet fuq speċi anatomiċi kif meħtieġ fl-istudji tagħhom.
Dan l-iżvilupp huwa parti mill-kostruzzjoni li għaddejja fir-rigward tal-iskola medika l-ġdida fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex li huwa mistenni li jkun lest sar-Rebbiegħa tal-2019.