Ġie mwaqqaf Ċentru tal-Ilsien Malti, li se jkun qed iwettaq proġetti, inizjattivi u tkabbir tal-għarfien, bil-għan li jtejjeb l-użu tal-lingwa.
Se jsiru wkoll diversi kollaborazzjonijiet, pubblikazzjonijiet, anke permezz tal-internet u diversi għodod diġitali.
Dan bil-għan li jappoġġja l-amministrazzjoni, l-organizzazzjoni u l-operat tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti fit-twettiq tal-politika u l-istrateġija lingwistika għall-iżvilupp tal-ilsien nazzjonali u l-identità tal-poplu Malti.
Intant, tħabbar li Norma Saliba se tkun l-ewwel Kap Eżekuttiv ta’ dan iċ-ċentru.
Saliba għandha iktar minn 25 sena esperjenza fil-qasam ġurnalistiku.
Hija saħansitra kienet ingħatat rikonoxximent fl-IĠM Awards tal-2015 għall-użu tajjeb tal-Malti.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li t-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru huwa pass importanti ħafna li se jwettaq differenza fejn għandu x’jaqsam il-ħarsien tal-ilsien Malti, partikolarment fl-era diġitali li ninsabu fiha.
Il-ħidma taċ-ċentru se tkun qed tissodisfa fost l-oħrajn il-miri stabbiliti fl-Att dwar l-Ilsien Malti li l-Istat Malti jippromwovi b’kull mezz possibbli l-akbar użu tal-ilsien Malti fl-edukazzjoni, fix-xandir u fl-istampa, fil-qrati u fil-ħajja politika, amministrattiva, ekonomika, soċjali u kulturali.