F’Ħal Safi nfetaħ ċentru ġdid għal dawk bid-dimensja u se joffri l-funzjonijiet tiegħu kemm matul il-jum u anke matul il-lejl.
Dan iċ-ċentru huwa t-tieni wieħed tax-xorta tiegħu, hekk kif f’Settembru li għadda nfetaħ l-ewwel wieħed fl-Imtarfa.
Dawn iż-żewġ ċentri huma l-unika ċentri fl-Ewropa li joffru servizz b’xejn ta’ respite lejl u nhar.
Dan iċ-ċentru ġie inawgurat mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, li qal kif dan qed isir b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro.
Qal, “Iċ-ċentru li qed jinfetaħ ġewwa Ħal Safi bħala ċentru ta’ matul il-jum u anke matul il-lejl ħa jkun qiegħed joffri respite lill-qraba tal-persuni bid-dimensja u wkoll jagħti opportunità lil dawn il-persuni illi jattendu f’dan iċ-ċentru illi jkunu jistgħu jingħataw l-attenzjoni invista tal-kundizzjoni tagħhom.”
Il-Ministru Farrugia qal li din il-binja mitluqa nbidlet f’waħda aċċessibbli għall-persuni bid-dimensja.
Dan iċ-ċentru se jkun qed jipprovdi appoġġ lil madwar sittin persuna fil-ġimgħa u l-applikanti jistgħu jattendu ċ-ċentru tliet darbiet fil-ġimgħa.
Il-Ministru Michael Farrugia qal kif permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi u d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva, il-persuni bid-dimensja se jingħataw għajnuna biex ikomplu bl-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum, fosthom bħax-xiri u anki xi mixja fl-inħawi ma tonqosx.