Fl-2021 se jinfetaħ ċentru ġdid għal matul il-jum u l-lejl f’Ħal Safi li se joffri kenn għall-persuni bid-dimensja u l-qraba tagħhom. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro, u mistenni jkun l-ewwel ċentru fin-Nofsinhar ta’ Malta li joffri din it-tip ta’ kura.
ONE News tkellem ma’ Alex Gobey, il-koordinatur tal-kura tad-dimensja fi ħdan il-Kura fil-Komunità, li spjega kif hu maħsub li jopera ċ-ċentru l-ġdid.
Huwa spjega: “Se jaċċetta mas-16-il persuna kuljum. Ovvjament se jagħti servizz għal numru akbar ta’ familji minħabba li jkollok nies li ma jattendux kuljum. L-iskop hu li ċ-ċentru jkun qisu dar.”
Riċerka turi li bħalissa hawn madwar sebat elef familja affetwati mid-dimensja f’pajjiżna, u n-numru mistenni jitla għal madwar tlettax-il elf sal-2050.
Gobey spjegalna wkoll li l-akbar sfida tul il-proċess kollu kienet li jinstabu biżżejjed professjonisti biex jagħtu l-kura fiċ-ċentru stess.
Huwa qalilna: “Għal kull tliet persuni bid-dimensja se jkollok carer fuq il-post. Se jkollna taħlita ta’ infermiera u nurses ukoll, jiġifieri n-nies li jiġu se jkollhom kura intensiva u ħafna appoġġ, u se jkollhom programm ta’ attivitajiet.”
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo Degabriele spjega li ħidmet iċ-ċentru se timmira li żżom il-pazjenti kemm jista’ jkun attivi fil-ħin li jqattgħu hemm.
Is-Sur Degabriele stqarr: “Se jkunu jistgħu anke jkollhom respite u se nżommuhom attivi, biex kemm jista’ jkun id-deterjorazzjoni ddum aktar.”
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal ukoll li l-ħidma mistennija tinfirex ‘il barra minn dawn iċ-ċentri.
Huwa sostna: “Qed naħdmu biex Ħal Safi tkun lokalità favur ħafna d-dimensja fejn wieħed ikun jaf eżatt kif għandu jilqa’ l-persuni bid-dimensja.”
Iż-żieda fiċ-ċentri li joffru l-kura għad-dimensja hija waħda mir-rakkomandazzjonijiet li jissemmew fl-istrateġija Nazzjonali għad-dimensja li nieda l-Gvern fl-2015.