B’investiment ta’ madwar €8 miljun qed tinbena pixxina state of the art maġenb il-kumpless sportiv tar-Rabat Għawdex. Dan il-proġett li ilu mwiegħed għal snin twal u ser jiġi atwat minn dan il-Gvern ser jindirizza s-settur akwatiku f’Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana semmiet kif dan il-proġett ambizzjuż mhux biss se jagħti spinta lit-turiżmu sportiv fil-gżira tat-tliet għoljiet imma ser ikun ta’ għajnuna għal dawk in-nies li jiddependu minn servizzi terapewtiċi marbuta mal-ilma.
Dan il-proġett issawwar wara li saret konsultazzjoni wiesgħa mal-esperti u entitajiet involuti fid-dixxiplini tal-għawm konċernati. Dan sabiex il-proġett verament ser jindirizza l-bżonnijiet tas-settur akwatiku f’Għawdex u b’hekk dawn il-faċilitajiet ser jitgawdew minn diversi nies – partikolarment l-isportivi u l-atleti li bħalissa qegħdin jaqsmu l-fliegu u jkollhom imorru Malta. Apparti minn hekk din il-pixxina ser tkun tista tintuża mit-tfal sabiex jitrawmu f’din id-dixxiplina sportiva, kif ukoll minn anzjani u persuni oħra li huma dipendenti fuq trattamenti ta’ rijabilitazzjoni b’ilma.
Dan il-proġett huwa mqassam f’diversi fażijiet fejn bħalissa diġa daħlet fis-seħħ l-ewwel fażi li nvolviet ix-xogħol ta’ tħaffir. Il-Ministru għall-Għawdex fissret dan il-proġett bħala wieħed li l-Gvern tassew qiegħed jimpenja ruħu sabiex iwettaq tul din il-leġislatura bil-għan li Għawdex ikollu ċentru akwatiku li minnu jgawdi kulħadd.