“Ħafna ċentri urbani f’salt wieħed qed jaraw nies ġodda jgħixu fihom.”
Din kienet ir-reazzjoni taċ-Chairman Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Wirt Artna, Mario Farrugia, hekk kif faħħar bil-kbir l-iskemi tal-Gvern li jinċentivaw proġetti ta’ restawr f’żoni ta’ konservazzjoni urbana.
Farrugia qal dan l-għada li f’laqgħa mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li sa Settembru li għadda, l-Gvern investa 20 miljun fi skemi li jinċentivaw ix-xiri u r-restawr ta’ proprjetajiet UCA jew proprjetajiet vakanti għal numru ta’ snin.
Dan permezz ta’ frankar ta’ taxxa jew għotjiet diretti.
Din l-aħbar intlaqgħt mill-Fondazzjoni Wirt Artna, li f’kummenti ma’ ONE News, iċ-Chairman Eżekuttiv, Mario Farrugia, qal li ċ-ċentri urbani qed jaraw tibdil fid-demografija, b’familji ġodda qed jagħżlu li jgħixu f’dawn id-djar li huma mgħonija bl-istorja u l-arti.
Qal, “Permezz ta’ din l-iskema li aħna naqblu ħafna magħha u nfaħħruha, permezz ta’ din l-iskema ħafna bini li kien mitluq illum qed jerġa’ jingħata ħajja ġdida u meta qed jingħata ħajja ġdida dan il-bini qed tingħata ħajja ġdida wkoll lit-triq jew inkella l-pjazza fejn fil-fatt tkun qed tinsab din il-binja. Irridu ngħidu li tant hi popolari fil-fatt din l-iskema illi ħafna ċentri urbani, f’salt wieħed qed jaraw nies ġodda jgħixu fihom.”
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni żied jgħid kif il-ħsieb wara r-restawr jew ir-rinovar għandu jirrispetta xogħol dawk li ġew qabilna.
Qal, “Missirijietna meta bnew dak il-bini kienu jiżbgħu l-aperturi per eżempju jew inkella faċċati b’ċerta kuluri, kuluri li huma aċċettabbli, kuluri li huma armonjużi u allura huwa importanti li dawk l-affarijiet ukoll jiġu rrispettati, għaliex ir-restawr u anke r-rinovar ta’ bini m’għandux ikun biss limitat għall-ġebla però għandu jkun ukoll stiż għall-elementi oħra li jiffurmaw l-istruttura, jiġifieri l-aperturi siegħa jekk huma tal-injam jew tal-ħadid.”
Tkellimna wkoll mas-Sindku tal-Birgu li enfasizza dwar l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ skemi li jżommu ħaj il-karatteristiċi tal-bini, fejn fl-istess waqt stajna ninnutaw ukoll numru ta’ turisti jammiraw il-faċċati tipiċi tad-djar Maltin.
Qal, “Li tiġbdek, li tinduna biha u għandna dak il-bini li kważi kważi l-istess bini qed jistenna min jirrestawrah, allura għaliex aħna għandna noqogħdu lura, meta issa għandek il-Gvern qed jgħin, qed jagħtik il-flus biex tirrestawra, issa jmiss lilna biex imbAgħad verament lil din il-belt qed nagħmluha sabiħa aktar milli sibniha u tkun fost l-isbaħ.”