B’avviż legali li ġie ppubblikat fil-jum tat-Tnejn, pajjiżna se jara l-ftuħ ta’ diversi ċentri f’Malta u Għawdex li se jilqgħu fihom it-tfal ta’ ħaddiema li jagħmlu xogħlijiet essenzjali, fosthom ta’ dawk fil-qasam tas-saħħa u l-forzi tal-ordni.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet kif f’dawn iż-żminijiet il-Gvern reġa’ ħareġ l-id ta’ għajnuna, issa għal dawn il-familji li m’għandomx fejn iħallu lill- uliedhom peress li l-iskejjel ingħalqu.
Qalet kif, “Dan l-avviż legali se jippermetti illi dawk il-ġenituri li qegħdin joffru servizzi essenzjali, it-tfal tagħhom se jkunu jistgħu jibgħatuhom ġo ċentru u hemmek it-tfal se jkunu jistgħu jsegwu l-lezzjonijiet online. Għadna kemm ħadna l-awtorizazzjoni biex nużaw iċ-ċentru ta’ San Ġwann u hemm ċentri oħrajn identifikati kemm Malta kif ukoll Għawdex u ovvjament jiddependi mid-domanda li se jkollna.”
Il-Ministru għall-edukazzjoni spjegat kif f’dan il-każ qed jittieħdu protokolli ferm stretti sabiex tiġi ssalvagwadjata saħħet l-istudenti u anke l-edukaturi.
Spjegat, “Għandna l-protokolli li diġà huma in place u li ilna nħaddmuhom u dawk ħadmu u taw riżultat, Però ovvjament issa minħabba ċ-ċirkustanzi, anke l-avviż legali, jippermetti li se jkun hemm protokolli biex inkomplu nissalvagwardjaw is-saħħa tat-tfal tagħna u dawk li se jkunu qed jaħdmu hemmhekk.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni qalet li ċ-ċentri lesti biex jibdew jaħdmu u għalhekk appellat lil dawk li jixtiequ jagħmlu użu minn dan is-servizz kruċjali sabiex japplikaw minn fuq is-sit tal-Ministeru.
Tikkumplimenta din il-miżura hemm dik li l-istudenti kollha jkollhom aċċess għat-tagħlim, fosthom li ngħataw laptops u internet b’xejn.