Centrecom li hija parti minn grupp ta’ kumpaniji ta’ World Aviation Group se tkun qed tkabbar l-operat tagħna bid-doppju, dan ifisser li se tkun qed timpjega madwar 250 persuna oħra biex in-numru ta’ impjegati jiżdied għal 500. Dan għaliex din il-kumpanija li l-operat tagħha għażel lil pajjiżna qed tkompli tikber u minn sitt impjegati llum tħaddem 250 impjegat.
Il-kumpanija toffri servizzi varji fosthom customer care, rappreżentanza lil madwar 10 linji tal-ajru filwaqt li toffri ukoll is-servizzi tagħha lill-kumpanija tal-ajru, l-AirMalta filwaqt li s-servizzi ta’ Centrecom qed jintużaw ukoll għas-servizz li introduċa Gvern Laburista: servizz.gov. Servizz li llum qed ikompli jikber u qed jinkludi l-Ministeri u l-entitajiet tal-gvern. Servizz.gov huwa mod effiċjenti ta’ kif iċ-ċittadin jista’ jikkomunika permezz ta’ freephone, fost oħrajn, mad-Dipartiment tas-Sigurtà soċjali. Filwaqt li qed tkompli issir ħidma biex dan is-servizz jinkludi aktar dipartimenti, fosthom JOBS +.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista esprima s-sodisfazzjoni tiegħu meta jara attivitajiet bħal dawn li qed ikomplu jikbru meta s-suq huwa wieħed kompettitiv ferm. Iżda stqarr li huwa ta’ sodisfazzjon akbar meta jara li 90% tal-impjegati huma Maltin, filwaqt li 60% tagħhom huma nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol għall-ewwel darba jew daħlu lura fid-dinja tax-xogħol wara numru ta’ snin nieqsa. Hawnhekk, il-mexxej Laburista għamel referenza għal miżura li ħabbar il-Prim Ministru li se tkun qed tara aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, dan hekk kif Employers li jħaddmu sistemi ta’ teleworking se jingħataw il-possibilita’ ta’ deduzzjoni mit-taxxa sa massimu ta’ €30,000 għal spejjeż kapitali relatati mad-dħul ta’ sistemi u t-tmexxija ta’ dan is-serivizz.
Il-Prim Ministru qal li dan is-settur qed ikompli jikber iżda Malta qed tibqa’ attraenti minħabba l-kwalità għolja ta’ ħaddiema u ekonomija b’saħħitha. Fil-fatt Muscat fakkar li sa ftit tal-jiem ilu, SR Tekniks li topera fl-istess settur ukoll kabbret l-operat tagħha. Joseph Muscat spjega li l-operaturi ta’ kumpaniji bħal dawn jagħmlu l-cost considerations u quality considerations tagħhom u jagħżlu lil Malta.
L-espansjoni ta’ din il-kumpanija, fi kliem Muscat, hija pass importanti ħafna għaliex l-azzjonisti huma konvinti li jistgħu jsostnu impjiegi ġodda. Tenna li din l-espansjoni hija importanti kemm ekonomikament iżda ukoll mill-aspett soċjali. Fil-fatt, l-operat ta’ CentreCom issa se jkun qed jimxi għal Mosta Technopark biex ikun jista’ jlaħħaq mad-domanda internazzjonali li dejjem qed tiżdied.
Il-Mexxej Laburista spjega li dan is-settur illum qed iħaddem 1,500 persuna u li l-Gvern fl-aħħar erbà snin irnexxielu joħloq 35,000 impjieg ġdid u dan juri l-ħidma li saret li se tkompli.