Centre Stage Malta, li tgħallem l-arti performattiva, se tkun qiegħda tmur Pariġi, fi Franza, biex tagħti spettakli bi tħejjija għall-festi tal-Milied fil-park famuż ta’ Disneyland is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin, fejn se jieħdu sehem ukoll f’workshops u rehearsals.
F’din il-mawra se jkunu qed jieħdu sehem 25 student Malti.
ONE News tkellem mal-għalliema u d-direttriċi tal-grupp, Tiziana Calleja, li qaltilna li Disney ilhom għal dawn l-aħħar tliet snin jestendu l-invit tagħhom lill-grupp biex jagħtu spettakli flimkien ma’ bosta karattri popolari, bħal Mickey u Donald Duck.
Tiziana qaltilna li t-tħejjijiet għal dan l-appuntament, li jġib miegħu responsabbiltà kbira, ilhom għaddejjin ġmielhom u rringrazzjat lill-ġenituri u lill-istudenti nfushom talli sena wara oħra qed jieħdu sehem.
“Hu Importanti ħafna li meta tiġi għal performing arts, aħna m’aħniex se nsiefru biex immorru holiday, aħna se mmorru hemmhekk focused bi grinta biex nwasslu dak li aħna qegħdin nitgħallmu, u dak li wara kollox aħna qegħdin nippreparaw irwieħna għalih.”