Bħala miżura proposta fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, se jiġi ddraftjat tender, għal Central Data Repository, bil-għan li titnaqqas il-burkokrazija b’mod drastiku, filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż.
F’laqgħa mal-midja, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, flimkien ma’ rappreżentanti mill-Malta Business Registry, spjega kif l-istudju b’rabta ma’ dan, tlesta qabel iż-żmien, filwaqt li aċċenna wkoll għal diversi konsultazzjonijiet li saru ma’ diversi entitajiet privati u pubbliċi.
Ġie spjegat kif permezz tat-teknoloġija, diversi dipartimenti li ma jikkomunikawx flimkien, u b’hekk joħolqu l-burkorazija, issa se jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni awtentikata permezz ta’ pjattaforma komuni.
Qal, “Ħa jkun hemm sistema, li l-informazzjoni, li l-individwu jew kumpanija, ħafna drabi tippreżentaha lil diversi entitajiet, jew anke lis-settur privat, għal diversi drabi minkejja li għandek l-istess dokument, inti tippreżentaha darba waħda biss fuq wallet, li jkun aċċessibli, imbagħad dik il-persuna tkun tista’ taqsamha mal-entitajiet konċernati.”
Intqal ukoll kif din is-sistema proposta ntlaqgħet tajjeb ferm kemm mill-entitajiet tal-gvern, u anke dawk fi ħdan is-settur privat.
Il-Ministru Schembri, ta wkoll eżempju ta’ kif se taħdem din is-sistema.
Eżempju, il-karta tal-identità se tkun tista’ tiġi mtella’ fuq dan il-wallet, fejn tiġi wkoll awtentikata u ċċertifikata bħala veritiera. B’hekk, l-individwu ma jkollux għalfejn, jippreżenta l-karta tal-identità b’mod fiżiku kull darba, iżda tuża’ din is-sistema biex tgħaddi l-informazzjoni.
Żied jispjega li minkejja li din is-sistema mhijiex waħda obbligatorja, hija mistennija li tgħin bejn 80% u 90% ta’ dawk li jridu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.
Qal, “Ir-reliance fl-entitajiet fis-subject persons, xorta se jibqgħu huma b’mod individwali li jiddeċiedu d-deċiżjonijiet. Eżempju fejn jidħlu due diligence reports, jekk għandek bank li jrid jiddeċiedi jekk jipproċedix b’loan jew xi deċiżjoni, ħa tibqa’ d-deċiżjoni aħħarija ta’ dak il-bank individwali.”
Geraldine Spiteri Lucas, li hija l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Business Registry, spjegat kif l-ewwel fażi se tkun miftuħa għall-entitajiet pubbliċi.
Żiedet tgħid li kull entità hija obbligata li meta jkollha applikant ġdid sabiex jiftaħ negozju, ikun hemm bżonn li jsir due diligence fuq dik il-persuna. Qalet li t-tieni parti se tinfetaħ għal persuni suġġetti, bħal banek, nutara, avukati, u awdituri, fost l-oħrajn li jkun jeħtieġ li jagħmlu dan il-proċess.
Stqarret, “Dan il-portall, mhux se jagħti konferma jew le lill-ċerti persuni suġġetti jew entitajiet, jekk jaċċettawx, lill-klijent jew le. L-informazzjoni se tkun hemmhekk, se jkun hemm rapporti estratti, min reġistri ppubbliċi li għandna f’Malta, biex nibnu rapport fuq persuni individwali jew kumpaniji iżda d-deċiżjoni aħħarija dejjem se tkun tal-persuna suġġetta, jekk taċċettax lil dak il-klijent għall-investiment f’pajjiżna jew le.”
L-isteering committee għal din is-sistema, se jkun magħmul minn rappreżentanti minn diversi entitajiet, fosthom mill-FIAU, l-MFSA, mill-Bank Ċentrali, mill-Malta Business Registry, mill-Ministeru għall-Finanzi, il-Ministeru għall-Ekonomija u 3 esperti.