Iċ-Ċentru Laburista f’Raħal Ġdid twaqqaf mitt sena ilu, f’Novembru tal-elf disa’ mija u tlieta u għoxrin.
Kien l-ewwel każin politiku f’Raħal Ġdid u t-tielet wieħed tal-Partit Laburista fil-gżejjer Maltin.
Kien iffrekwentat minn ħaddiema, fil-parti l-kbira tagħhom nies tat-Tarzna, li kienu jaħdmu pass ’il bogħod.
Dan il-każin kien twaqqaf tliet snin wara l-bidu tal-‘Camera del Lavoro’, jew kif inhu magħruf illum, il-Partit Laburista.
L-ewwel ċentru Laburista kien faċċata tad-dar tat-Tabib Pawlu Boffa.
Xahrejn wara, iċ-Ċentru Laburista mexa għal Strada Lampuca u matul it-tieni gwerra dinjija, kellu jagħlaq il-bibien tiegħu, bħal bosta ċentri u għaqdiet oħra.
Ma’ tmiem il-gwerra, il-Kumitat Distrettwali kien iżomm il-laqgħat f’kamra fil-loġġa biswit il-każin tal-banda.
F’Jannar tal-elf disa’ mija u erbgħa u ħamsin, il-Kumitat Distrettwali ta’ Raħal Ġdid ħa postu u beda jmexxi l-ħidmiet tiegħu mill-każin li kien biddel ismu għal Malta Labour Party Club.
Il-ftuħ uffiċjali tiegħu sar fl-ewwel ta’ Jannar tal-elf disa’ mija u ħamsa u ħamsin, mill-Mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien, il-Perit Duminku Mintoff.
Wara disa’ snin bieb u għatba mal-bini tal-Knisja Parrokkjali, f’Diċembru tal-elf disa’ mija u tnejn u sittin, il-każin iċċaqlaq għal post akbar u isbaħ. Niżel iżjed ’l isfel fl-istess pjazza u kien infetaħ mill-Perit Dom Mintoff.
Il-każin issemma ‘Dar il-Ħelsien’ u dam jopera minn hawn għal tletin sena, sakemm inqered fi splużjoni f’Marzu tal-elf disa’ mija u tnejn u disgħin.
Erba’ xhur wara t-tiġrif tiegħu, saret applikazzjoni għat-twaqqigħ sħiħ, kif ukoll għall-bini ta’ Ċentru Laburista ġdid.
Iċ-Ċentru Laburista, issa ssemma ‘Maggie Moran’, infetaħ uffiċjalment f’April tal-elf disa’ mija u sebgħa u disgħin mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Alfred Sant, minn fejn jopera llum il-ġurnata.