Mitt sena tal-Partit Laburista.
Partit li ra d-dawl tax-xemx mhux biex jiddefendi l-privileġġ iżda biex jimplimenta programm radikali li jagħti lil kulħadd ċans għal ħajja ugwali.
F’artiklu fuq is-Sunday Times, il-Prim Ministru Robert Abela ħares lura lejn l-istorja tal-Partit Laburista fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twaqqif ta’ dan il-partit.
Dr Abela spjega kif il-Partit Laburista irnexxielu jeħles mill-ktajjen tal-passat li xekklu lill-pajjiżna għal snin twal fosthom il-kriminalizzazzjoni ta’ persuni omosesswali, id-diskriminazzjoni li affaċċjaw in-nisa u l-piena kapitali.
Saħaq kif il-moviment Laburista kellu diversi sfidi. Għadda minn snin ta’ uġigħ fejn generazzjoni progressiva batiet biex sabet it-triq u reġgħet ingħatat l-fiduċja tal-elettorat.
Fuq kollox, il-Prim Ministru saħaq li l-Partit Laburista dejjem jaspira li jtejjeb l-opportunitajiet u sostna li bħala moviment progressiv għandna nġorru din il-fjamma ta’ progress magħna sabiex inkomplu noħolqu preżent li sa ġenerazzjoni ilu kien jidher impossibbli.
Dr Abela qal li l-Partit Laburista qed iħares ‘il quddiem iżda wissa li l-prosperità tisparixxi malajr u għal din ir-raġuni għandna nsaħħu s-sigurtà soċjali, niddiversifikaw l-ekonomija u nkunu l-mexxejja fid-dinja diġitali.
Sabiex dan jitwettaq, il-Prim Ministru sostna li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għas-suċċess u għalhekk il-Partit Laburista għandu jservi ta’ mera għas-soċjetà filwaqt li jkompli jaħdem sabiex jipprovdi opportunitajiet ugwali.