Il-kumpanija Centrecom nediet kors għall-ħaddiema tagħha f’livell ta’ diploma dwar il-Crypto Currencies.
Il-Kap tal-ICT u Innovazzjoni Justin Muscat spjega kif bħalissa għexieren ta’ kumpaniji internazzjonali tal-crypto u blockchain xeħtu ħarsithom lejn pajjiżna. Kien għalhekk, li Centrecom ħasset il-bżonn li tħarreġ lill-ħaddiema tagħha fis-settur.
Bil-kumpanji li ġejjin u se jiftħu hawn malta, ħassejna l-bżonn li bħala kumpanija ikollna s-support services u li l-impjegati tagħna għandhom ikunu mħarrġa f’dan is-settur ħalli ladarba jiġu l-kumpaniji li qed jiftħu hawn malta ikollhom bżonn support services mingħandna aħna jkollna n-nies imħarrġa bl-aħjar mod possibbli f’dan is-settur ukoll.
Tul din is-sena Centrecom rat tkabbir bla preċedent hekk kif f’inqas minn sitt xhur mindu bdiet topera minn ċentru ġdid fil-Mosta ħasset il-bżonn li tkompli tespandi is-servizzi tagħha.
S’issa, permezz t’investiment globali ta’ erbgħa miljun u ħames mitt elf ewro, Centrecom għandha l-kapaċità li topera erbgħa mija u ħamsin desk u qed toffri diversi servizzi relatati mal-customer care lil numru ta’ kumpaniji u entitajiet lokali fosthom l-Air Malta u d-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Innovazzjoni u Teknoloġij Diġitali Silvio Schembri laqa’ dan l-investiment fir-riżors uman minn Centrecomm. Huwa spjega kif f’pajjiżna hawn interess kbir ħafna fis-setturi tal-Crypto u Blockchain.
U dan allura qegħdin naraw li nkomplu nagħlqu ċ-ċirku tal-ekosistema. għamilna l-leġislazzjoni, ġibna l-kumpaniji, qed ninvestu fi scholarships fejn tidħol l-ekonomija diġitali u allura issa qed naraw ukoll li s-suq lokali qed jirrispondi għal dan l-investiment u dak huwa inkoraġġament għall-quddiem
Is-segretarju Parlamentari saħaq li l-pjan ta’ tkabbir ta’ Centrecom għandu jservi ta’ eżempju għall-kumpaniji simili hekk kif l-interess mill-kumpaniji barranin huwa kbir.