57 pajjiż jipparteċipaw. 300 ġurnalist reġistrati.
Iżda ċensura totali mill-Partit Nazzjonalista fuq l-akbar konferenza Ministerjali li qatt saret f’Malta.
Għall-ewwel darba, mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna, l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov daħal fl-Ewropa, propju f’Malta, għas-Summit tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.
U għall-ewwel darba wkoll, f’Malta, u f’laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken li wkoll ġie f’pajjiżna għal dan is-Summit.
Fiċ-ċentru tad-diskussjoni s-suġġett jaħraq tal-gwerra fl-Ukraijna u kwistjonijiet oħra li jaffettwaw il-paċi u s-sigurtà fid-dinja.
B’Malta, permezz tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, bħalissa ċ-Chairperson tal-OSCE.
Għajnejn id-dinja kollha kienu fuq Malta. U fuq il-ftehim storiku li ntlaħaq bis-saħħa tal-Presidenza Maltija.
Iżda l-Partit Nazzjonalista – bil-media tiegħu – għażel li jinjora ghal kollox dan is-Summit prestiggjuz.
Bil-kontra tal-media kollha l-oħra f’pajjiżna, il-ġurnalisti tal-Partit Nazzjonalista lanqas biss attendew għas-Summit fl-ebda ħin tiegħu.
U filwaqt li l-gazzetti lokali kollha ddedikaw il-faċċati tagħhom għal eżitu finali ta’ din il-laqgħa Ministerjali, in-Nazzjon għażel differenti. Ċensura.
ONE News jinsab informat li din kienet deċiżjoni konxja li ttieħdet ġimgħat ilu mill-fazzjoni estremista fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, flimkien mal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li l-ħsieb kien li jnaqqsu kemm jifilħu l-avveniment prestiġġjuż li seħħ f’pajjiżna għaliex minnu nnifsu jitfa dawl fuq ir-rispett li pajjiżna, u l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, igawdu fix-xena internazzjonali.
Quddiem summit tant importanti għad-dinja u għal Malta, il-Partit Nazzjonalista għażel li jkun, bħas-soltu, negattiv biss.