L-aġir arroganti tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista hi konferma oħra kif moħħha biss biex timmina, tiskredita u tattakka kulma jagħmel Gvern Laburista, irrispettivament jekk il-ħidma u l-proġetti li jitwettqu jkunux fl-aħjar interess taċ-ċittadini.
Fl-aħħar jiem, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Ċensu Galea, flimkien mal-Kelliema tal-Oppożizzjoni Mark Anthony Sammut u Ryan Callus indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fejn attakkaw lill-aġenziji u l-entitajiet tal-Gvern, fosthom Infrastructure Malta u l-Enemalta għax-xogħlijiet meħtieġa, li qed isiru fil-lokalità.
Dawn jinkludu toroq li jinbnew mill-ġdid, tisħiħ fis-sistemi ta’ taħt l-art u titjib fil-bankini. Ħafna minn dan ix-xogħol isir matul il-lejl fejn il-vetturi fit-toroq ikun minimu u jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent ta’ fost il-ġimgħa.
Jekk ma ssirx din il-ħidma, l-Oppożizzjoni tkun minn tal-ewwel bl-aktar ton voċiferu li toħroġ tattakka lill-Gvern li mhux jagħmel xogħlu. Għax qed isir ix-xogħol u b’ritmu mgħaġġel, il-Partit Nazzjonalista sab skuża oħra biex idawwar dawn il-proġetti f’ballun politiku.
Jirriżulta lil ONE News li, agħar minn hekk, is-Sindku u eks Ministru Nazzjonalista Ċensu Galea ħalla fi stat diżastruż apposta numru ta’ toroq, li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill li jmexxi.
Dawn jinkludu Triq il-Ġifen, Triq it-Tamar, Triq Borodino, Triq Desguanez, Triq Aristarku, partijiet minn Triq il-Korp tal-Pijunieri u Dawret il-Gżejjer u toroq fiż-żona magħrufa bħala “L-Imbordin”.
Numru ta’ appelli mir-residenti biex issir il-manutenzjoni meħtieġa mill-kunsill u jkollhom l-aċċess bażiku biex jidħlu f’darhom waqgħu fuq widnejn torox. Minkejja li pprovaw jagħmlu diversi tentattivi biex jikkomunikaw mas-Sindku, dawn ġew injorati dejjem.
Residenti, li tkellmu ma’ ONE News, sostnew li mhux jifhmu t-tkaxkir tas-saqajn tas-Sindku, waqt li spjegaw li l-istat ta’ wħud minn dawn it-toroq tant iddeterjora li lanqas biss tista’ taċċessahom b’karozza.