Mill-aħħar Ċensiment li sar f’pajjiżna u li parti oħra tiegħu ġiet ippubblikata fl-aħħar jiem, ħareġ li l-prezz medju għall-kirjiet ta’ residenzi furnished f’pajjiżna jlaħħaq is-€700 fix-xahar, waqt li kuntratti li saru wara l-2015 jitilgħu għal medja ta’ €735 fix-xahar.
Fl-istess ħin instab li l-medja ta’ kmamar li għandhom ir-residenzi f’pajjiżna hi dik ta’ ħamsa.
Miċ-Ċensiment, li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2021, jirriżulta li l-ogħla kirjiet instabu li huma f’Tas-Sliema, b’ammont medju ta’ elf, mija u ħamsin ewro (€1,150), segwita minn San Ġiljan u s-Swieqi, it-tnejn b’rata medja ta’ elf u mitt ewro (€1,100) fix-xahar.
Dan filwaqt li l-inqas rati ta’ kiri ġew irreġistrati fil-lokalitajiet tal-Birgu, Għajnsielem u ż-Żurrieq, bir-rata medja tkun €600 jew anke inqas.
Minn dan iċ-Ċensiment ħareġ ukoll li l-maġġoranza ta’ dawk li jikru huma ċittadini privati, li jammontaw għal aktar minn tmenin fil-mija, waqt li mbagħad jiġu l-Gvern u l-Knisja.
L-istħarriġ nazzjonali, li juri s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna kull diċenju, juri li l-medja ta’ kmarar fi djar residenzjali hi ta’ ftit aktar minn ħamest ikmamar.
Dan hekk kif ir-residenzi b’ħamest ikmamar jgħoddu għal kważi sitta u ħamsin elf, dawk b’sitta jgħoddu għal kważi tnejn u ħamsin elf. Dawk b’erbgħa huma aktar minn ħamsa u tletin elf u dawk li għandhom inqas minn erbat ikmamar jgħoddu għal aktar minn erbgħa u tletin elf residenza. Dawk b’iżjed minn sebat ikmamar jgħoddu għal kważi tnejn u għoxrin elf residenza.